Bank li kien inżebgħa vjola fuq proposta tal-Kunsill Studenti Universitarji sabiex ifakkar il-vittmi kollha tal-vjolenza domestika u l-femiċidju, ġie vandalizzat fl-aħħar sigħat.
F’post fuq Facebook, il-KSU qalet li saret talba lill-awtoritajiet tal-Università ta’ Malta sabiex janalizzaw il-filmati ta’ CCTV sabiex ikun stabbilit min kienet dik il-persuna li wettqet dan l-att vandalu. Sadanittant, il-Kunsill diġà beda jaħdem sabiex dan il-bank jieħu s-sura li kellu qabel b’memorja għall-vittmi.
Il-bank kien miżbugħ vjola bi kliem abjad li jwasslu messaġġ kontra l-vjolenza domestika u l-femiċidju. Biex fl-aħħar sigħat, persuna jew persuni li għadhom mhux magħrufa żebgħu bl-iswed fuq partijiet tal-bank.
Il-KSU qalu li dan il-każ juri iktar minn qatt qabel l-importanza li jkomplu jwasslu l-messaġġ ta’ għajnuna għall-vittmi kollha li jsofru quddiem il-vjolenza. Dan meta l-att vandalu sar ftit jiem biss wara femiċidju ieħor li ra l-qtil ta’ Nicolette Ghirxi.
//= $special ?>