Lokali Qorti

Cardona jgħid li ra l-MoU tal-Vitals dakinhar li ffirmah – jgħid li qabad u ffirma “għax hekk qaluli”

Fil-Qorti, Chris Cardona ddikjara li hu kien iffirma l-Memorandum of Understanding mal-Vitals sempliċiment għaliex qalulhu jagħmel hekk – minħabba li kien responsabbli mill-Malta Enterprise. Bl-Eks Ministru jgħid li ra dan l-MOU darba biss – meta iffirmah. U sussegwentament meta saret l-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali.

Dan kollu ħareġ hekk kif illum komplew il-proċeduri b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet, u l-persuni kollha li hemm implikati f’din il-frodi ta’ miljuni ta’ ewro – proċeduri li ffukaw fuq il-ftehim inizjali iffirmat mal-Vitals fl-2014.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Chris Cardona kien ċar ħafna: “Jien iffirmajt u daqshekk!’

L-Eks Ministru insista li hu kien ikollu ħafna minn dawn l-MOUs quddiemu. U hu kien sempliċiment jiffirma. Tant li Cardona implika li ħafna drabi – skont hu – lanqas kien ikun jaf x’fihom. F’kelma waħda, kien jiffirma dokumenti uffiċjali tal-Gvern bla ma jkun jaf il-kontenut.

L-MOU huwa datat 10 ta’ Ottubru 2014. U Chris Cardona insista li dan il-ftehim kien iffirmat f’Kastilja, u mhux fil-Ministeru tiegħu. Cardona lanqas ma kien ċert min kien preżenti għall-iffirmar.

Fil-Qorti, Cardona xehed li ma ra xejn illegali fl-MOU. Dan meta ftit tas-sekondi qabel kien għadu kif iddikjara li rah darba biss; dakinhar stess tal-iffirmar.

L-Eks Ministru insista wkoll li dan l-MOU ma kienx wieħed li jorbot.

Din ix-xiehda kienet parti mill-proċess li għaddej fil-Qorti kontra Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u numru ta’ persuni oħra li issa se jgħaddu ġuri b’akkużi serji marbuta mad-deal tat-tliet sptarijiet.

Kien hemm sens kbir ta’ għaġġla

Fil-Qorti, xehed ukoll l-avukat Antoine Cremona f’isem id-ditta ta’ avukati Ganado.

Hu spjega li Ganado pprovdiet servizzi lil Projects Malta u l-Ministeru tas-Saħħa biex isir il-famuż Request for Proposals (RfP).

Il-kumpanija Ganado rrimarkat kif il-Gvern ried jemenda b’mod sostanzjali l-ewwel abbozz tal-RfP, iżda dawn l-emendi ma kinux vijabbli. Imbagħad, meta bagħtu t-tieni abbozz, spiċċaw injorati. Ħadd ma weġibhom. Bil-kumpanija tgħid li kienu qed jippressawhom, u innutaw ċertu sens ta’ urġenza – u li kollox kien qed isir bil-ħarba.