Lokali

Carer mixli li stupra lill-eks sieħba tiegħu

Carer ta’ 25 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti, akkużat li aggredixxa sesswalment lill-eks sieħba tiegħu u omm it-tfal tiegħu. L-akkużat Filippin, li joqgħod l-Imsida, wieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ stupru, li żamm lill-allegata vittma kontra r-rieda tagħha, li wettaq att mhux kunsenswali ta’ natura sesswali, li kkaġunalha tibża’ mill-vjolenza u li ssuġġettaha għal atti sesswalment degradanti, hekk kif attakkaha u weġġagħha ħafif.

L-ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qal lill-Maġistrat Rachel Montebello li l-imputat kienet ilha ħames snin relazzjoni mal-allegata vittma, u kellha ż-żewġt itfal trabi tagħha.

Ix-xahar li għadda, ir-raġel kien injora r-rifjut tal-mara meta kien ipprova jibda s-sess magħha u kien stupraha. Fil-Qorti ntqal li f’okkażjoni oħra, meta l-mara kienet irrifjutat ukoll li tagħmel sess mal-imputat, hu kien joqgħod jiffittha b’mod sesswali.

L-avukati Jose Herrera, Alex Scerri Herrera u Martina Herrera, li qed jassistu lir-raġel bħala avukati difensur, għażlu li ma jitolbux il-libertà proviżorja sakemm tixhed l-allegata vittma.