Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-Banda Vilhena tal-Floriana se tkun qiegħda tesegwixxi programm muzikali fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta. Dan il-programm, intitolat, “150 Anniversarju: Kunċert Strumentali mill-Banda Vilhena” qiegħed jiġi mtella’ għall-okkazzjoni tal-150 sena mill-fondazzjoni tal-istess banda lura fl-1874.
Il-post ta’ fejn se jiġi esegwit dan il-programm huwa sinifikanti għall-fatt li t-Teatru Manoel huwa msemmi wara l-Gran Mastru de Vilhena, l-istess Gran Mastru li għalih hi msemmija l-Banda tagħna.
Il-programm se jiġi esegwit taħt il-bakketta tas-Surmast Direttur tas-Soċjetà Maestro. George Debono, flimkien mal-bandisti, l-Amadeus Chamber Choir u t-tenur Brian Cefai, bil-preżentazzjoni ta’ George u Elisa Cassar. Dan jikkonsisti f’taħlita ta’ siltiet mużikali minn kompożituri klassiċi famużi, oħrajn kontemporanji kif ukoll siltiet li jappartjenu biss għall-Banda Vilhena.
Il-kunċert se jsir nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru fis-7pm.
//= $special ?>