Numru kbir ta’ residenti Qriema qed jilmentaw b’saħħa minħabba l-mod kif qed isiru x-xogħlijiet mar-roundabout ta’ Triq l-Imdina u fi Triq Ħal Luqa; xogħlijiet ta’ tħaffir ta’ trinek li fi kliem dawn il-familji qed jimblukkaw l-aċċessibbiltà.
Fuq il-midja soċjali, il-frustrazzjoni tar-residenti qed toħroġ b’mod mill-aktar evidenti. U ħafna qed jinsistu li d-drittijiet tagħhom bħala residenti qed jiġu injorati.
Kumment partikolari fisser kif diversi familji spiċċaw ma jistgħux jidħlu fi djarhom stess, il-ħsejjes bil-lejl qed iżommuhom imqajmin, u t-trab qiegħed jaggrava kundizzjonijiet bħall-ażma. Barra minn hekk, ir-residenti b’diżabbiltà tilfu l-aċċess u parkeġġ riżervat tagħhom.
Mara oħra spjegbat li dawn ix-xogħlijiet fi Triq Ħal Luqa u Triq l-Imdina għamluha impossibbli biex jidħlu d-dar b’mod sigur. Fil-fatt, id-djar spiċċaw bi pjanċa tal-ħadid quddiemhom, il-garaxxijiet prattikament imblukkati, u ma sar ebda passaġġ sigur biex jgħaddu minnu n-nies.
“Qegħdin insofru storbju kontinwu bil-lejl, problemi tas-saħħa minħabba t-trab, u residenti b’diżabbiltà qed jispiċċaw imwaħħlin ġewwa għax l-aċċess ġie meqrud. Dan mhux aċċettabbli. Għandna d-dritt għal djar siguri u aċċessibbli skont il-liġi – dawn id-drittijiet bażiċi qegħdin jiġu injorati”, qalet din il-mara.

Resident ieħor spjega kif dan kollu qed isir biex skont l-awtoritajiet jittaffa t-traffiku li jkun hemm mar-roundabout. Iżda insista li billi jnaqqsu il-bankina u jagħmlu lane oħra dan żgur mhuwiex għall-ġid tar-residenti – anzi, bil-kontra.
Apparti minn hekk, persuna oħra fakkret li madwar sitt snin ilu fl-istess zona ta’ Ħal Qormi kienu qalgħu kollox biex suppost itaffu t-traffiku. Iżda kif konna bqajna, u l-istess ser jiġri issa.
Kien ftit tal-jiem ilu meta l-Gvern ħabbar li se jwettaq dawn ix-xogħlijiet ma’ din ir-roundabout; proġett li ġibed lejh kritika enormi minħabba l-fatt li kollox se jibqa’ prattikament l-istess. Apparti li se tittiekel parti mill-bankina li jużaw ir-residenti.
//= $special ?>