Internazzjonali

Il-koppja Obama tappella lill-Amerikani biex jappoġġjaw “il-kapitlu ġdid” ta’ Kamala Harris

L-Eks President tal-Istati Uniti Barack Obama u Michelle Obama taw approvazzjonijiet passjonati lil Kamala Harris fit-tieni lejl tal-Konvenzjoni Nazzjonali Demokratika. Huma ħeġġew lill-votanti biex jappoġġjaw “kapitlu ġdid” magħha f’diskorsi li elettrifikaw lill-udjenza f’arena mimlija f’Chicago.

Barack Obama qal lill-konvenzjoni li t-“torċa għaddiet” minn Biden għal Harris, iżda wissa li d-Demokratiċi qed jiffaċċjaw “ġlieda iebsa” għall-presidenza. Qal li l-Istati Uniti kienet lesta biex tilqa’ fi ħdanha lill- President Harris u li hi kienet lesta għax-xogħol u kienet se taħdem biex tgħaqqad il-pajjiż.

Obama qal li l-Amerika m’għandhiex bżonn erba’ snin oħra taħt Donald Trump, u qal: “Rajna dak il-film qabel – u lkoll nafu li s-sequel tiegħu u li dan ġeneralment jista’ ikun agħar.” Huwa ddeskriva lil Trump bħala biljunarju “li ma waqafx jibki dwar il-problemi tiegħu” u meta beda jsemmi lil Trump lill-folla li din bdiet tinfexx f’tgħajjir u bbujar, Obala ħeġġeġ lill-folla biex imorru jivvutaw.

Fid-diskors tagħha Michelle Obama kkritikat dak li qal Donald Trump, li l-immigranti qed jieħdu “l-impjiegi tas-suwed” fl-Istati Uniti. Il-konvenzjoni ta’ erbat ijiem twassal biex formalment Harris tkun l-konkorrent presidenzjali Demokratiku u tisfida lil Donald Trump, li diġà kellu l-konvenzjoni tiegħu x-xahar li għadda wara li salva minn attentat ta’ qtil.

Michelle Obama tkellmet b’appoġġ għal Harris, u qalet li “xi ħaġa mill-isbaħ u maġika tinsab fl-arja… il-qawwa kontaġġjuża tat-tama” u li Harris kienet “aktar minn lesta għal dan il-mument”. Hija kkuntrastat it-trobbija ta’ Harris ma’ dik tal-“ġid ġenerazzjonali” ta’ Donald Trump, u qalet li l-istorja ta’ Harris hija “l-istorja tiegħek… l-istorja tal-maġġoranza l-kbira tal-Amerikani li qed jippruvaw jibnu ħajja aħjar”. Obama kkritikat wkoll lil Trump għall-attakki tiegħu fuqha u fuq żewġha.