Lokali Parlament

Il-Kummissarju tal-Pulizija: “Il-vjolenza domestika m’għandhiex tkun prijoritizzata biss meta jkun hemm inċident”


Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sostna li l-vjolenza domestika m’għandhiex tkun prijoritizzata biss meta jkun hemm inċident u ddikjara li kien jixtieq li ma kienx qed jitkellem wara l-każ tal-qtil ta’ Nicolette Ghirxi.


Din id-dikjarazzjoni l-Kummissarju tal-Pulizija għamilha meta kien qed jixhed quddiem il-laqgħa konġunta tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali u għall-Affarijiet tal-Familja.


Dan il-kumitat konġunt iltaqa’ fuq talba tal-Opożizzjoni wara l-qtil ta’ Nicolette Ghrixi.


Il-kumitat konġunt tmexxa mid-Deputat Laburista Carmelo Abela u fil-bidu tal-laqgħa l-kumitat żamm minuta silenzju għall-vittmi tal-vjolenza domestika.


L-Oppożizzjoni kient rappreżentanata mill-Whip Robert Cutajar u mid-deputati Stephen Spiteri, Claudette Buttigieg, Graziella Galea, Graziella Attard Previ, Ivan Bartolo u Paula Mifsud Bonnici waqt li l-gvern kien rappreżentat mid-deputati Laburisti Rosianne Cutajar, Davina Sammut Hili, Romilda Zarb, Katya Degiovanni u Naomi Cachia.

Fis-seduta xehdu l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti.

Samantha Pace Gasan, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika, tat spjega dwar il-ħidma li qed twettaq il-Kummissjoni. Hi semmiet ukoll l-inkjesta tal-Imħallef Valencia li fiha saru diversi rakkomandazzjonijiet li minnhom kienu implimentati madwar 70% fosthom dwar id-definizzjoni ta’ familja, is-sistema tal-bord MARAM li jlaqqa’ l-partijiet involuti, il-proċeduri dwar l-immaniġġjar tar-riskji, ir-riżorsi, il-qrati, l-ordnijiet ta’ protezzjoni u t-tagging elettroniku.


Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici trattat l-assessjar tar-riskju fejn skont ir-rakkomadazzonijiet tal-Imħallef Valenzia kien rakkomandat li dan ma jsirx darba biss, u staqsiet jekk dan hux isir darba.


Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ tkellmet dwar it-taħriġ professjonali u staqsiet kif u kemm qed tkun evalwata l-effettività t-taħriġ, jekk dan it-taħtiġ hux qed jingħata lill-professjonisti kollha u jekk dan hux qed ikun obbligatorju. Hi staqsiet kemm qed tkun promossa l-kampanja ta’ edukazzjoni fl-iskejjel dwar l-importanza ta’ relazzjonijiet b’saħħithom. Attard Previ staqsiet jekk il-Kummissjoni tużax persuni influwenti irġiel fil-promozzjoni tal-kampanja tagħha u dwar x’tip ta’ konsultazzjoni qed issir mal-familjari tal-vittmi.


Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea staqsiet jekk kinux implimentati iktar miżuri mis-70% u liema huma dawk is-setturi li fuqhom trid issir enfasi biex il-vjolenza domestika tkun limitata.


Il-Kummissarju Pace Gasan wieġbet li l-assessjar tar-riskju jsir iktar minn darba, li ssir evalwazzjoni interna dwar it-taħriġ li jsir, li ssir ħidma koordinata li tista’ tkun imtejba u qalet li minbarra s-70% tar-rakkomanazzjonjiet imewttqa, saru iktar inizjattivi oħra li huma l-pubblikazzjonjiet tar-riforma li qed isir fil-Qorti tal-Famija.


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar staqsa jekk kienx hemm skambjar ta’ prattiċi ma’ aġenziji barranin; jekk hemmx ammont ta’ uffiċjali meħtieġa biex il-ħidma tkun iffukata; dwar in-nuqqas ta’ riżorsi fl-Uffiċċju tal-Kummissarju; u jekk kienx hemm pożizzjoni li t-taħriġ lill-uffiċjali jkunx mandatorju.


Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà xehed li din id-diskussjoni qed isir fl-isfond ta’ każ (il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi) u ddikjara li l-Korp tal-Pulizija ilu snin jipprijoritizza din il-problema. Hu qal li fl-2020, il-Korp waqqaf it-Taqsima dwar il-Vjolenza Domestika biex il-każi bdew ikunu trattati b’modi differenti. Jirriżulta li kien hawn żieda ta’ 12% fir-rapporti ta’ vjolenza domsetika fejn 77% tar-rapporti huma ta’ natura psikoliġika. Fil-fatt, is-sena li għaddiet kien hemm iktar minn 2,000 rapport ta’ vjolenza domestika, li turi kemm il-vittmi qed jersqu ‘l quddiem. L-ikbar ammonti ta’ każi ta’ vjolenza domestika huma fin-Nofsinhar ta’ Malta minn fejn, sa Lulju ta’ din is-sena, ġew 65% tar-rapporti.


Il-Kummissarju Gafà qal li l-Pulizija topera skont il-prijorità tal-każi u spjega t-taħriġ speċjalizzat li jingħataw l-uffiċjali tal-Pulizija.


Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici staqsiet: Il-Pulizija tagħmel investigazzjonijiet fuq persuni li fuqhom ikunu saru rapporti? X’tagħmel il-Pulizija jekk ikun hemm rapporti lokali jew internazzjonali dwar il-persuni? Il-Pulziija tagħmel analiżi preliminari ma’ kull rapport li jsir? Hemm xi rakkomandazzjonijiet li twettqu li jridu jkunu aġġornati; u x’ inhuma l-prijoritjiet dwar rakkomandazzjonijiet mhux imwettqa?


Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ staqsiet kif il-vittmi jistgħu jserrħu moħħhom meta dawn jagħmlu rapport b’email u x’messaġġ qed jingħata meta t-tieni ċentru dwar il-vjolenza domestika suppost ilu miftuħ ħames snin u għadu ma nfetaħx. Hi staqsiet xi pressjoni qed tagħmel il-Pulzija biex tkun provduta b’għodod li jnaqqsu r-riskji.


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar persuni vulnerabbli li jwaqqgħu l-każi u x’jagħmel il-Korp tal-Pulizija quddiem dawn iċ-ċirkostanzi.


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar tratta l-bżonnijiet ta’ riżorsi li hemm fit-Taqsima dwar il-Vjolenza Domestika u dwar kemm huma meħtieġa uffiċjali f’din it-Taqsima. Hu staqsa jekk it-taħriġ huwiex obbligatorju fit-Taqsima dwar il-Vjolenza Domestika.


Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea staqsiet dwar kemm persuni użaw iċ-Ċentru ta’ Santa Luċija u jekk kienx hemm tibdil fis-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika minħabba l-barranin li hawn fil-pajjiż.


Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà wieġeb li l-Pulizija implimentaw 100% fil-100% ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkejsta tal-Imħallef Valenzia, ħlief għaċ-Ċentru tal-Imtarfa li għadu mhux lest għax qed isir xogħol ta’ rinovar fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat. Hu qal li sa nofs l-2025 dan iċ-Ċentru fl-Imtarfa għandu jkun lest.


Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li hemm żieda fil-każi ta’ vjolenza li fihom huma involuti barranin u żieda f’każi fejn ġenituri jiġu attakkati minn uliedhom. Hu spjega li fit-Taqsima dwar il-Vjolenza Domestika hemm 60 uffiċjal u żied li s-sena li għaddiet inħarġu 4,000 akkuża waqt li sa Lulju 2024 hemm diġà iktar minn 2,000 akkuża minn din it-Taqsima. Dan iġib sitwazzjoni ta’ ħtieġa ta’ iktar uffiċjali f’din it-Taqsima, qal il-Kummissarju, li sostna li bħalissa l-Korp tal-Pulizija qed iwettaq programm ta ristrutturar fil-Korp biex ikun hemm iktar effiċjenza.


Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri staqsa min janalizza l-każi meta jsiru r-rapporti fid-Dipartiment tal-Emerġenza.


Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Butigieg staqsiet x’jgħid l-SOP fuq ksur ta’ Ordni ta’ Protezzjoni; staqsiet dwar persuni barranin li jagħmlu theddid lill-vittmi; u staqsiet x’tagħmel il-Pulizija meta aggressur jitmejjel bil-Pulizija f’kuntatt li dan ikollu magħhom.


Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-SOP tispeċifika li fejn hemm allegat ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni, il-Pulizija tressaq b’arrest. Dwar ir-remote reporting, il-Kummissarju tal-Pulzija qal li dawn ir-rapporti mhumiex rakkomandati għaliex hu rakkomandat li l-vittmi jmorru fiċ-ċentri iżda hemm każi li jillimitaw allura s-servizz jingħata fid-dar tal-persuna.


Dwar l-agressuri barranin u min jipprova jitmejjel bil-Pulizija, il-Kummissarju qal li ħadd ma jistenna lill-Pulizija bil-fjuri u li kull każ ikun trattat fuq il-merti tiegħu. Normalment il-Pulizija tagħmel l-investigazzjonijiet dwar fejn ikunu jinstabu l-persuni barranin iżda minkejja s-sistemi ta’ lokalizzazzjoni tal-persuna, hemm sfidi kbar minħabba z-Zona Schengen u l-movimet liberu tal-persuna.


Hu qal li l-vjolenza domestika m’għandhiex tkun prijotizzata biss meta jkun hemm inċident u ddikjara li kien jippreferi kieku din id-diskussjoni ma kinitx qed isir f’perjodu meta sar inċident (il-qtil ta’ Nicolette Ghrixi).


Angelo Gafà spjega li fil-Korp tal-Pulizija hemm 2,500 uffiċjal iżda mhux possibbli li jkun assenjat pulizija ma’ kull dar; min irid jagħmel xi ħaġa se jagħmilha, sostna l-Kummissarju tal-Pulizija.


Il-Kumitat aġġorna għal nhar l-Erbgħa li ġej meta se jinstemgħu iktar xhieda.