Lokali

Imħabbra l-finalisti ta’ S.Pellegrino Young Chef Academy Competition 2024-25

S.Pellegrino Young Chef Academy tħabbar il-kandidati żgħażagħ li se jieħdu sehem fis-S.Pellegrino Young Chef Academy Competition 2024-25 – il-kompetizzjoni ta’ skala globali u internazzjonali li l-għan aħħari tagħha hu li jiġu skoperti u mrawma l-iżjed koki taħt it-tletin sena ta’ talent minn madwar id-dinja.

Eluf ta’ koki minn madwar id-dinja applikaw għal din ił-kompetizzjoni u minnhom kollha, 165 għaddew l-ewwel fażi. Dawn il-165 parteċipant ser jieħdu sehem fil-finali madwar id-dinja, fosthom dawk fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Ewropa u l-Mediterran li ser issir ġewwa pajjiżna f’Novembru li ġej.

Kull applikazzjoni ta’ kull kok, kif ukoll tal-platt tagħhom, ġew evalwati minn esperti kulinari fiċ-Ċentru Edukazzjoni u Taħriġ Internazzjonali Ewlieni tad-Dinja għall-Kċina Taljana, ALMA. Il-proċess tal-għażla ta’ ALMA kien ibbażat fuq tliet kriterji ewlenin: ħiliet tekniċi, kreattività u twemmin personali fil-qawwa trasformattiva tal-gastronomija biex tagħmel bidla pożittiva fis-soċjetà permezz tal-ikel.

“S.Pellegrino Young Chef Academy Competition tissorprendina f’kull edizzjoni u din mhijiex xi ħaġa ta’ darba peress li bħala ALMA ilna nikkollaboraw ma’ din il-kompetizzjoni mill-ewwel edizzjoni. Il-kandidati iżidu l-livell minn sena għal sena, dejjem iggwidati mill-passjoni u impenn,” qal Matteo Berti, Kap tal-Edukazzjoni ta’ ALMA. “Il-proċess tal-għażla ma kienx faċli, iżda issa huwa f’idejn il-kandidati magħżula biex juru t-talenti tagħhom tul il-kompetizzjoni. Awguri lilhom kollha!”

Dan il-grupp ta’ 165 parteċipant ser jikkompetu fi 15-il finali reġjonali differenti madwar id-dinja minn Settembru 2024 sa Jannar 2025. Il-Finali tan-Nofsinhar tal-Ewropa u r-Reġjun tal-Mediterran se ssir fil-25 u s-26 ta’ Novembru 2024 fi xtutna, Malta.

Il-Finali Reġjonali huma opportunità kbira sabiex wieħed jesponi ruħu peress li l-koki se jippreżentaw il-platti ewlenin tagħhom lil ġurija ta’ koki rinomati, li huma Thanos Feskos mill-Greċja, Iwona Niemczewska mill-Polonja, Alexandru Iacob mir-Rumanija, Igor Jagodic mis-Slovenja u Victor Borg minn Malta. Dawn ser ikunu inkarigati mill-għażla tar-rebbieħa reġjonali li ser ikunu mqassma fuq erba’ premjijiet:

● S.Pellegrino Young Chef Award: L-ikbar premju tal-lejl fejn il-ġurija tiġġudika l-platti preżentati a bażi ta’ tliet regoli gwida – il-parteċipant bl-iżjed ħiliet tekniċi, kreattività ġenwina u t-twemmin personali dwar il-gastronomija.
● S.Pellegrino Social Responsibility Award: Dan il-premju hu vvutat mis-Sustainable Restaurant Association li tmexxi Food Made Good, l-ikbar servizz ta’ ikel sostenibbli fid-dinja. Il-platt rebbieħ ser ikun magħżul a bażi ta’ sostenibbilità u rekwiżiti soċjali u ambjentali.
● Acqua Panna Connection in Gastronomy Award: Dan il-premju ser imur għand dak il-kok li ser jippreżenta platt li jesponi l-kultura tal-pajjiż tiegħu jew tagħha.
● Fine Dining Lovers Food for Thought Award: Il-premju jiġi vvutat mill-qarrejja ta’ Fine Dining Lovers u jiġi vvutat u ppremjat a bażi ta’ dak il-platt li jirrappreżenta bl-aħjar mod it-twemmin personali tal-kok permezz tal-platt preżentat.

Ir-rebbieħa reġjonali ta’ kull wieħed minn dawn il-premjijiet ser jikkompetu għat-titlu globali għal
kull waħda mill-kategoriji fil-Gran Finali fl-2025.

Il-formazzjoni tal-Finalisti Reġjonali għas-S.PELLEGRINO YOUNG CHEF ACADEMY COMPETITION 2024-25 fin-Nofsinhar tal-Ewropa u r-Reġjun tal-Mediterran huma dawn li ġejjin (f’ordni alfabetiku tal-pajjiż ospitanti u tal-pajjiż):

  • Andrea Amore u Luis Estrella li ser jirrappreżentaw lil Malta;
  • Alexandros Diamantis li ser jirrappreżenta lill-Greċja;
  • Fanni Varga li ser jirrappreżenta lill-Ungerija;
  • Yuval Romano u Rotem Dolev li ser jirrappreżentaw lil Iżrael;
  • Maciej Osinski, Cezary Boraczynksi u Dawid Cieslinski li ser jirrappreżentaw lill-Polonja;
  • Bogdan Panaite u Vadean Alin li ser jirrappreżentaw lir-Romania;
  • Nikola Sorak li ser jirrappreżenta lis-Serbia;
  • Matija Cotic, Bostjan Volk u Pablo Falcon li ser jirrappreżentaw lis-Slovenia.

Sabiex tiskopri iżjed dwar il-lista sħiħa ta’ parteċipanti, kif ukoll dwar il-kompetizzjoni żur is-sit https://www.sanpellegrinoyoungchefacademy.com/