Ir-Ramblers’ Association hija infurmata li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi waħħal ostakolu li qiegħed iwaqqaf l-aċċess pubbliku għall-Fomm ir-Riħ min-naħa tal-Baħrija. Dan l-ostakolu, li qiegħed jimblokka l-passaġġ tul l-irdum, tpoġġa wara li waqgħu xi blat li jagħtu għal fuq il-bajja ta’ Fomm ir-Riħ.
L-għaqda tixtieq tgħid li dan il-kollass jaffettwa biss il-bajja l-kbira ta’ Fomm ir-Riħ, u ma jaffettwax il-bajja taċ-ċagħak li tinsab fuq dan il-post. Din il-bajja taċ-ċagħak hija iżolata mill-bajja l-kbira u ma fiha l-ebda periklu. F’dan il-waqt, dan l-ostakolu qiegħed jimblokka l-aċċess għall-bajja taċ-ċagħak mingħajr raġuni.
L-għaqda tixtieq tinsisti wkoll fuq il-fatt li dan l-ostakolu terġa’ u tgħid ħoloq periklu ġdid, għaliex dawk li jixtiequ jinżlu sal-bajja taċ-ċagħak issa qegħdin ikollhom jaqbżu dan l-ostakolu li jinsab f’xifer l-irdum. Sa nhar il-Ġimgħa (16 ta’ Awwissu) stess, l-għaqda rat gruppi sħaħ ta’ nies li kienu qegħdin jixxemxu f’din il-bajja u li bilfors kellhom jaqbżu dan l-ostakolu sabiex jaslu hemm.
Għaldaqstant l-għaqda qiegħda ssejjaħ lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sabiex iċaqlaq dan l-ostakolu lejn il-kosta tal-bajja l-kbira ta’ Fomm ir-Riħ, fejn attwalment waqa’ l-blat. Dan sabiex il-pubbliku ikun imwissi fejn qiegħed il-periklu sewwa sew, u sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-bajja taċ-ċagħak mill-ġdid.
//= $special ?>