Lokali

“Is-sistema qed tħalli konsegwenzi fatali”

Editorjal ieħor jikkritika t-tmexxija ta’ pajjiżna – tmexxija li qed tħalli “konsegwenzi fatali”.

Dan meta fl-aħħar jiem rajna t-telfa ta’ persuna oħra, Nicolette Ghirxi li kien każ ieħor ta’ femiċidju. Bil-vittma li kienet wissiet lill-Pulizija dwar il-qattiel tagħha, iżda minkejja li saru tliet rapporti ta’ fastidju, il-Korp, xhur wara, m’għamel xejn.

Esperti fis-suġġett jgħidu li l-vittmi ma jgħarrfux kemm verament ikunu f’riskju, iżda l-professjonisti għandhom jindunaw dwar dan. Tant li l-esperti qed jitolbu biex risk assessment ikun obbligat, għalkemm l-awtoritajiet qed jirrifjutaw li l-proċedura tinbidel.

Bl-editur tat-Times of Malta jgħid li issa huwa ċar li jeħtieġ li pajjiżna jbiddel id-direzzjoni tant li l-familja ta’ Ghirxi qed jitolbu għal Inkjesta Indipendenti. Dan meta staqsa għaliex qed ikunu rifjutati r-rakomandazzjonijiet tal-esperti sabiex ikunu megħjuna l-vulnerabbli.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-Inkjesta Indipendenti li saret dwar il-femiċidju ta’ Bernice Cassar sabet li s-sistema kienet fallietha hekk kif studju ffinanzjat mill-Gvern, u li sewa mal-€20,000, kien ilu sena fuq xkaffa jiġbor it-trab bla ma ħadd ta kasu.

Fi stqarrija li ħarġet il-Malta Women’s Lobby, saret talba b’urġenza għar-responsabbiltà u azzjoni immedjata wara l-femiċidju ta’ Ghirxi. Il-Lobby esprima frustrazzjoni kbira għall-fatt li minkejja l-wegħdiet u l-miżuri li suppost ġew implimentati wara l-każ ta’ Bernice Cassar, in-nisa għadhom qed jitilfu ħajjithom.

L-istqarrija tikkundanna bil-qawwa l-attitudni ta’ dawk responsabbli għall-protezzjoni tan-nisa, speċjalment f’każijiet fejn min hu f’riskju qed jiġi vittimizzat jew injorat. Il-Lobby staqsa għaliex l-awtoritajiet naqsu milli jieħdu azzjoni kontra l-aggressur ta’ Nicolette, minkejja li kien magħruf mal-Pulizija għal snin sħaħ u kien meqjus bħala theddida nazzjonali.