Grupp ta’ avukati u prokuraturi legali prattikanti fil-qasam tal-immigrazzjoni qalu li quddiem għajnejhom qed jaraw sitwazzjoni allarmanti li qed tiżvolġi bħalissa fl-aġenzija Identità. Fi stqarrija, huma qalu li żviluppi reċenti enfasizzaw bidla fil-politika adottata mill-aġenzija Identità li “qed tikkawża tbatija bla bżonn għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed ifittxu li jaħdmu f’Malta, u ddgħajjef l-integrità tal-proċess ta’ immigrazzjoni”.
Huma komplew jgħidu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jingħataw il-fakulta li japplikaw għal permessi tax-xogħol waqt li jkunu qed jirrisjedu barra minn Malta. Mal-approvazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, huma jirċievu ittra “Approval in Principle”, li tagħtihom 180 jum biex jippreżentaw ruħhom quddiem l-aġenzija Identità f’Malta.
Madankollu, dan il-perjodu ta’ 180 jum mhux terminu realistiku għal ħafna applikanti, primarjament minħabba d-dewmien estensiv tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-visa fil-pajjiżi ta’ residenza rispettivi tagħhom. Bl-istqarrija tgħid li dan joħloq xenarju inkwetanti fejn l-individwi fl-aħħar jirċievu l-visa tagħhom biex jidħlu Malta, biss biex jiskopru li l-ittra tal-approvazzjoni tagħhom skadiet, u jsibu ruħhom f’pożizzjoni inċerta u vulnerabbli.
L-avukati qalu li sa ftit ilu, din is-sitwazzjoni kienet qed tiġi immaniġġjata b’element ta’ kompassjoni, fejn individwi li kisbu visa tħallew jidħlu Malta u jipproċedu għand aġenzija Identità sabiex jiffinalizzaw l-applikazzjoni tagħhom għall-permess tax-xogħol, anke jekk l-ittra tal-approvazzjoni tagħhom kienet skadiet. Madankollu, fil-jiem li għaddew, seħħet bidla drastika u inkwetanti. Individwi li ppreżentaw lilhom infushom f’Identità b’visa valida iżda ittra ta’ tal-approvazzjoni skaduta ġew infurmati li l-visa tagħhom kienet qed tiġu revokata immedjatament.
Bl-istqarrija tkompli tgħid li din il-bidla f’daqqa qegħda tikkawża tbatija u konfużjoni sinifikanti fost dawk affettwati. Dan jirrifletti wkoll nuqqas ta’ kompassjoni u sens komun fl-indirizzar ta’ dak li diġà huwa proċess diffiċli u burokratiku. Dawn l-individwi sikwit jistennew għal xhur sħaħ biex jiksbu l-visa tagħhom u jivvjaġġaw lejn Malta, dan kollu sabiex jiltaqgħu ma’ aktar ostakli mhux mistennija u bla bżonn mal-wasla tagħhom.
Il-pożizzjoni adottata riċentament turi disprezz allarmanti għall-isfidi li jiffaċċjaw dawn l-individwi, li ħafna minnhom issagrifikaw ħafna biex jiġu Malta jfittxu xogħol u ħajja aħjar. Din il-bidla fil-politika mill-aġenzija Identità tkompli tiggrava l-problemi fi ħdan sistema diġà difettuża u ddgħajjef il-fiduċja li l-individwi jpoġġu fl-istituzzjonijiet Maltin.
L-avukati kkundannaw kategorikament il-prattika li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinġiebu Malta taħt pretensjonijiet foloz jew kwalunkwe forma ta’ sfruttament. Azzjonijiet bħal dawn mhux biss jittradixxu l-fiduċja ta’ dawk li jfittxu ħajja aħjar iżda wkoll iħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala soċjetà ġusta u ekwa. Huwa essenzjali li l-proċess tal-immigrazzjoni jibqa’ trasparenti, uman, u ħieles mill-abbuż.
U kien għalhekk li appellaw għal reviżjoni immedjata u rimedju għal din is-sitwazzjoni hekk kif huwa imperattiv li Identità tadotta prattika b’aktar kompassjoni u loġiku, li tirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jilħqu l-iskadenza ta’ 180 jum minħabba dewmien fl-ipproċessar tal-visa.
//= $special ?>

