Lokali

It-temperaturi tal-baħar fil-bidu ta’ Lulju kienu rekord

Din is-sena l-baħar tagħna laħaq temperatura rekord. Dik ta’ 31.5 gradi celcius.

Dwar dan Net News tkellem mal-Professur Alan Deidun li spjegalna kif apparti li din hija temperatura inkwetanti għax hija għolja… huwa inkwetanti wkoll il-fatt li din intlaħqet fil-bidu tal-perjodu tas-sajf.

Il-Professur Deidun spjegalna wkoll li temperaturi simili tkejlu anka f’partijiet oħra fil-Meditteran fejn ma tistennix temperaturi daqshekk għolja; fosthom fin-naħa ta’ isfel ta’ Franza.

Dawn it-temperaturi jħallu effetti varji – xi wħud li narawhom malajr, u oħrajn li jaf nibdew narawhom wara numru ta’ snin.

Fost dawn l-impatti li qed naraw fil-preżent insibu l-maltempati li qed jolqtu lill-Mediterran, bħat-tromba li laqtet lil Sqallija.

Barra min hekk, din iż-żieda fit-temperatura tal-baħar qed twassal għal invażjoni ta’ speċi aljeni li deħlin minn ibħra oħrajn.

Sitwazzjoni li qed tħalli impatt fuq speċi li normalment jinstabu fil-baħar Malti – bħal-lampuki u t-tonn.

Deidun għamel referenza wkoll għall-fatt li f’dawn l-aħħar snin rajna wkoll żieda ta’ fkieren li qed ibejtu Malta; fenominu li huwa wkoll relatat maż-żieda fit-temperaturi tal-baħar.

L-Ambaxxatur Malti tal-Oċeani spjega wkoll li l-baħar qed jinbidel b’rata mgħaġġla ħafna, u rridu nkunu kapaċi nifhmu, nosservaw u ninvestu fir-riċerka tal-baħar.