Sport

It-tim Malti għal-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024

Il-Kumitat Paralimpiku Malti (MPC) ħabbar l-iskwadra li se tkun qed tikkompeti fil-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024. ‘Team Malta’ se jkun magħmul minn Maja Theuma fl-għawm u Antonio Flores fl-atletika.

Maja Theuma, ta’ età ta’ 24 sena, titħarreġ ma’ Exiles SC u għandha iktar minn 6 snin esperjenza tikkompeti f’dan l-isport. F’dawn is-snin hija kkompetiet fit-time trials u kampjonati nazzjonali, kif ukoll kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin, inkluż il-Kampjonati Ewropej u Mondjali tal-Para Swimming. Maja tikkompeti fil-klassi ‘S6’ tal-għawm paralimpiku u stabbiliet ħames rekords nazzjonali fil-freestyle (50m, 100m, 200m u 400m) u fil-backstroke (50m u 100m). Maja se tkun qed tikkompeti fil-50m freestyle S6 nhar il-Ħamis 29 ta’ Awwissu. Maja tmexxi l-Kunsill tal-Atleti tal-MPC u serviet bħala ambaxxatriċi għall-Isport Paralimpiku permezz tal-ħidma tagħha.

Antonio Flores, fl-età ta’ 34 sena, jitħarreġ maż-Żurrieq Wolves Athletics Club u huwa wieħed mill-aktar Para-atleti kompetittivi f’Malta b’esperjenza, b’aktar minn 15-il sena involviment f’dan l-isport. Huwa rrappreżenta lil Malta f’kampjonati ewlenin kemm lokalment, kif ukoll fuq livell internazzjonali, inklużi il-World Para Athletics Gran Prix. Din se tkun it-tieni esperjenza tiegħu fil-Logħob Paralimpiku wara d-debutt tiegħu fil-Logħob ta’ Beijing fl-2008 fejn huwa kkompeta fil-klassi T-44, qabel ma għadda minn amputazzjoni fl-2017 wara kumplikazzjonijiet mediċi. Antonio se jkun qed jikkompeti fil-klassi ‘T64’ fill-100m u fill-200m (single-leg amputee blade running event) nhar il-Ħadd 1 u s-Sibt 7 ta’ Settembru rispettivament.

Ix-Chef de Mission għal-Logħob ta’ Team Malta u s-Segretarju Ġenerali tal-MPC, Julian Bajada, tkellem fuq l-għanijiet tal-MPC għal dawn il-Logħob.

Il-kontinġent Malti se jkun komplut mill-kowċ Edward Caruana Dingli (Exiles SC), it-Tabiba tat-Tim Dr Danica Bonello Spiteri, u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsill tal-Atleti tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, u it-Teżorier tal-MPC, Vladyslava Kravchenko (li rrappreżentat lil Malta fl-għawm f’żewġ Logħob Paralimpiku, f’Rio 2016 u f’Tokyo 2020).

Il-Logħob se jiġu iddikjarati miftuħa fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ nhar l-Erbgħa 28 ta’ Awwissu, u jispiċċaw nhar l-Ħadd 8 ta’ Settembru.

It-tnedija saret bi sħubija ma’ Hudson, li qed jisponsorjaw lit-tim Paralimpiku ta’ Malta għal-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024.