Lokali

Seba’ żgħażagħ minn Victoria Scout Group jagħmlu vjaġġ ta’ 180km bejn Franza, Andorra u Spanja

Seba’ membri parti mill-Victoria Scout Group lestew sfida bl-isem ta’ ‘Explorer Belt fejn għamlu vjaġġ ta’ 180 kilometru biex jesploraw għadd ta’ postijiet fi Franza, Andorra u Spanja.

L-Explorer Belt huwa premju internazzjonali tal-iscouts li jikkonsisti f’minimu ta’ 150km mifruxa fuq 10 ijiem, li matulhom kellhom jagħmlu numru ta’ sfidi biex ilestu tul ir-rotta, bħal jesploraw il-kultura, u jkellmu nies tal-lokal.

Din l-esperjenza saret minn żgħażagħ ta’ bejn l-20 u t-22 sena fejn bdew minn Toulouse, fin-Nofsinhar ta’ Franza. Huma żaru wkoll diversi bliet żgħar fil-Pirinej lejn Andorra. Matul it-tlugħ, għaddew minn diversi rħula u bliet, esploraw gorges u nixxigħat.

Ir-rotta bejn it-tliet pajjiżi bdiet fi Franza, għaddiet minn Spanja u spiċċat f’Andorra. Għal xi ljieli matul il-vjaġġ, ir-rovers ikkampjaw fin-natura fejn assiguraw li ma jħallu xejn fiz-zoni li kienu fihom.

L-iskop ewlieni tal-vjaġġ kien li jesploraw u jiltaqgħu mal-komunitajiet tar-reġjuni tal-Pirinej li jdawwar iz-zona ta’ Pic Carlit, u li jesponi liż-żgħażagħ għal taħlita ta’ kulturi Spanjoli u Franċiżi. Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ taħt l-Iskema BeActive.

L-iscouts għamlu użu minn trasport sostenibbli, primarjament ferroviji u karozzi tal-linja matul il-vjaġġ kollu.

Ir-rovers damu 17-il jum fejn matulhom kellhom jimxu mal-180 kilometru bil-haversacks bi tlajja ta’ madwar 2.5km.