Lokali

SKONT IL-PJAN TA’ MUSCAT: Ian Borg se jitfa’ n-nomina għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament

Il-Ministru Ian Borg ħabbar li se jitfa’ n-nomina tieghu għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament.

Biex b’hekk, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin se jkun qed jieħu l-kariga li kellu Chris Fearne bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll Deputat Prim Ministru.

Ian Borg huwa persuna oħra li l-klikka ta’ Joseph Muscat qed tkompli timbotta għal din il-kariga importanti fi ħdan il-Partit Labursita. Bil-Ministru deher kemm-il darba jattendi l-attivitjiet tal-aħħar kampanja elettorali flimkien mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat – li llum qed jaffaċċja għadd ta’ akkużi fil-Qorti b’rabta mal-iskandlu ta’ Vitals.

Numru ta’ ġurnali kienu rrapurtaw kif in-nomina ta’ Ian Borg kienet meqjusa ideali minn numru ta’ deputati li jridu l-Labour aktar militanti.

Ftit tal-ġimgħat ilu Net News kien staqsa lill-Membri tal-Kabinett Laburista jekk hux se jappoġjaw  in-nomina ta’ Ian Borg jekk dan jikkontesta għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. B’uħud mill-membri tal-Kabinett jidhru skomdi ħafna jwieġbu jekk hux se jagħtuh l-appoġġ jew le.

Intant, fi stqarrija il-Partit Laburista ħabbar li l-Kumissjoni Elettorali tal-Labour se tkun qed tilqa’ n-nominazzjonijiet għall-karigi ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u tal-Partit, għal President tal-Partit Laburista, Viċi President tal-Partit Laburista, Segretarju Internazzjonali, Segretarju Organiizzattiv u Tnax-il Membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali.

Dan wara li l-Partit Laburista kellu numru kbir ta’ riżenji hekk kif il-fazzjonijiet differenti fi ħdan il-Partit Laburista qed ikomplu jimmanuvraw kontra xulxin.

In-nomini jiftħu l-Ġimgħa, u jibqgħu jintaqgħu sal-Ħadd filgħodu.