Sport Waterpolo

Sliema fuq it-tron tal-waterpolo lokali għat-32 darba fl-istorja; tintemm l-istennija ta’ 15-il sena b’doppjetta

(Ritratt: Timmy Cutugno)

SLIEMA FRANK SALT…………. 15

SAN ĠILJAN JP PROJECTS… 12

(3-3), (4-4), (4-3), (4-2)

Kemm-il darba waslu qrib u fallew iżda din id-darba ma ġarax hekk. Sliema Frank Salt huma ċ-champions il-ġodda tal-waterpolo Malti bit-tieni rebħa minn tnejn fil-finali tal-play-off. Ir-rebħa ta’ 15-12 kontra San Ġiljan JP Projects inkurunat sajf mill-aqwa, wara li anki rebħu n-knock-out. Dawn is-suċċessi fissru l-ewwel Kampjonat tas-Sajf u l-ewwel doppjetta mill-2009.

Wara suċċess, diversi jkunu l-aspetti pożittivi iżda żgur li l-għażla ta’ Giacomo Cannella bħala l-barrani tat-tim ħalliet il-frott mixtieq. Vantaġġ għas-Slimiżi hu li t-tim għadu żagħżugħ u issa jittamaw li dan is-suċċess ma jkunx iżolat iżda joħloq katina ta’ rebħiet li jżidu l-unuri fil-klabb Slimiż.

Iż-żewġ timijiet kellhom vantaġġ ta’ gowl fl-ewwel sessjoni, b’Matthew Zammit wieġeb għall-gowl ta’ Jayden Cutajar, it-tnejn minn man-up. Fit-tieni sessjoni, San Ġiljan kellhom il-vantaġġ erba’ darbiet iżda f’kull okkażjoni Sliema wieġbu wara kull gowl. Aaron Younger spikka bi tripletta, f’sessjoni li fiha Cannella skorja darbtejn.

Il-mument importanti tal-logħba seħħ lejn nofs it-tielet sessjoni meta wara li Nikolai Zammit għamilhom 8-7, Sliema wieġbu bi tliet gowls konsekuttivi kollha minn man-ups biex ħadu vantaġġ ta’ 10-8 sa nofs it-tielet sessjoni. Għall-ewwel darba f’logħba, tim kellu vantaġġ ta’ aktar minn gowl.

Sliema żammew vantaġġ doppju sakemm Nico Schiavone naqqas id-distakk għal 11-10 fl-aħħar nofs minuta tas-sessjoni. Il-gowl tad-draw minn Russell Caruana fl-ewwel perjodu tal-aħħar sessjoni, deher li se jagħti nifs ġdid lil San Ġiljan. Madankollu gowls ta’ Benji Cachia u Jayden Cutajar sa nofs l-aħħar sessjoni, poġġew lil Sliema b’vantaġġ tajjeb ta’ 13-11.

Il-ħin beda għaddej u d-difiża ta’ Sliema kompliet tnaqqar it-tamiet tal-avversarji, b’Matthew Castillo salva penalty wara żball tiegħu stess u Cannella ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem. It-tisfira finali ntlaqgħet b’ferħ ġustifikat mill-plejers, staff tekniku, kumitat u partitarji li finalment temmew din in-nixfa twila mingħajr il-kampjonat. L-istennija ntemmet meta l-captain John Brownrigg għolla t-trofew.

Sliema: N. Grixti, E. Schembri, L. Galea (3), J. Gambin (1), G. Cannella (4), B. Cachia (3), J. Cutajar (2), D. Rizzo (1), J. Brownrigg, A. Galea, Z. Mizzi (1), S. Engerer, M. Castillo, J. Cassar

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, D. Tully, R. Caruana (1), A. Younger (4), M. Zammit (2), J. Bonavia (2), J. Zammit, J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit (1), N. Schiavone (1), G. Borg, G. Bonavia

Referees: Massimo Angileri, Fabio Brasiliano