Filwaqt li qed ikomplu l-investigazzjonijiet dwar l-għarqa, fil-bidu tal-ġimgħa, tas-super- jott ‘Bayesian’ ‘il hinn minn Sqallija, l-awtoritajiet Taljani – flimkien mal-uffiċjali tal-gwardjani tal-kosta – qablu li għalissa mhix se tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-fdalijiet tal-jott għandhomx jittellgħu minn 50 metru fond ta’ baħar.
Dan l-impenn, skont huma, mhux fuq l-aġenda attwali tal-awtoritajiet ikkonċernati. Madankollu hemm ukoll il-qbil li huma, aktar ‘il quddiem, iridu jimpenjaw ruħhom biex jelevaw il-‘Bayesian’ miz-zona marittima partikulari fil-port ta’ Porticello, fil-limiti ta’ Palermo.
Sadanittant, qed tkompli t-tfittxija għall-aħħar persuna li baqgħet nieqsa minn dakinhar tat-traġedja. Dan wara li saret l-identifikazzjoni tal-ħames katavri li kienu fuq il-jott, twil kważi 60 metru, u li nhar l-Erbgħa kienu rkuprati mill-baħar.
Fost il-katavri identifikati hemm dak ta’ Mike Lynch, imprenditur Britanniku magħruf madwar id-dinja bħala protagonista fil-qasam teknoloġiku u li kien ukoll fillantropista rinomat.
Intant, bintu Hannah, ta’ 18-il sena, li kienet miegħu fuq il-“Bayesian’ meta s-super-jott inqabad fl-eqqel ta’ ‘super-tromba’ magħrufa bħala waterspout, hija l-persuna rappurtata nieqsa.
Dan ukoll meta l-gwardjani tal-kosta Taljani qed jaħdmu fuq it-teorija li l-mara kellha tmut mgħarrqa waqt li hi kienet f’wieħed mill-kabini tal-jott. Kabina li l-aċċess għalih kien qed jidher ferm problematiku għall-bugħaddasa u l-iskwadri speċjalizzati għal dan it-tipi ta’ sitwazzjonijiet.
Minbarra Lynch, il-katavri l-oħra rkuprati kienu ta’ Jonathan Bloomer, iċ-Chairman ta’ Morgan Stanley Bank International; martu, Judy Bloomer li kienet involuta ma fond karitatevoli li jiffinanzja r-riċerka dwar il-kanċer; Chris Morvillo, li kien partner mal-kumpannija legali Clifford Chance, u martu, Neda Morvillo, magħrufa bħala disinjatriċi tal-ġojjellerija.
Il-waterspout qattiel li qered il-Bayesian qed jissejjaħ anki bħala ‘tromba tal-ibaħar xprunata mill-ġettijiet tal-fwar iġġenerata mill-ilma u s-sħana’. U għalkemm dawn it-trombi malajr jitilfu mis-saħħa huma xorta qawwija biżżejjed biex joħolqu straġi sinifikanti għad-dgħajjes qalb iz-zoni fejn jiżbruffaw.
L-esperti meteoroloġiċi, issa, qalu li dawn il-fenomeni tal-baħar għandhom isiru akar komuni – bil-waterspouts mistennija jirrepetu ruħhom fil-Mediterran waqt l-aħħar jiem tas-sajf kif ukoll fil-ħarifa, meta t-temperaturi tal-baħar se jibqgħu fl-ogħla livell minn jum għal jum.
//= $special ?>