Id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li timmulta lill-RTK 103 talli rrifjuta li jistieden lill-kandidati tal-lemin estrem tal-Imperium Europa, hi deċiżjoni kundannabbli u assurda.
Huwa d-dover tal-edituri, ġurnalisti u produtturi kollha li ma jħallux il-pjattaformi tagħhom jintużaw minn kelliema li jxandru diskors ta’ mibegħda. B’din id-deċiżjoni, l-Awtorità tax-Xandir illeġitimizzat ir-razziżmu bħala veduta politika.
Ma ninsewx li l-Kap tal-Imperium Europa, Norman Lowell, ġie kkundannat mill-Qorti fuq akkużi dwar mibegħda razzjali u għandu storja ta’ stqarrijiet razzisti inaċċettabbli, inkluż sejħiet għal tindif etniku. Dan mhuwiex aċċettabbli.
Id-deċiżjoni li tiġi imposta multa fuq l-RTK103 qed tirredikola r-rwol kostituzzjonali li l-Awtorità tax-Xandir għandha biex tħares id-demokrazija, u qed tabbanduna r-rwol kruċjali li tipproteġi l-libertà demokratika tal-espressjoni.
Hija tal-mistħija li l-Awtorità tax-Xandir mhux qed turi s-sinsla tagħha u li b’dan il-falliment morali qed tkompli toħloq preċedent perikoluż fix-xandir.
//= $special ?>