Internazzjonali

Djamant enormi jinstab fil-Bostwana – it-tieni l-akbar fid-dinja

F’esplorazzjoni straordinarja fil-Bostwana nstab it-tieni l-akbar djamant fid-dinja.

Din il-ġebla prezzjuża u enormi nstabet fil-mina ta’ Karowe, li hija mmexxija mill-kumpanija Kanadiża Lucara Diamond.

Il-mina ta’ Karowe tinstab madwar 500km fit-tramuntana tal-belt kapitali tal-Bostwana, Gaborone.

B’piż ta’ 2,492 karat, din il-ġebla straordinarja ġibdet immedjatament l-attenzjoni tan-nies, u kkonfermat ir-reputazzjoni tal-Bostwana bħala sors ewlieni ta’ xi wħud mill-akbar djamanti fid-dinja.

Barra minn hekk, din l-iskoperta storika tenfasizza l-potenzjal tal-mini tad-djamanti tal-Bostwana, li matul is-snin ipproduċew diversi djamanti meraviljużi.

Dan il-djamant huwa t-tieni l-akbar li qatt instab fid-dinja, wara d-djamant Cullinan li nstab fl-Afrika t’Isfel fl-1905 u li kellu piż ta’ 3,106 karat.

Il-Gvern tal-Bostwana qal li din il-missjoni tirrappreżenta kisba sinifikanti għall-industrija tad-djamanti tal-Bostwana, li tibqa’ parti kruċjali mill-ekonomija tal-pajjiż.

Intant, diġà bdiet spekulazzjoni dwar il-futur ta’ dan id-djamant u min jista’ jixtrih.

.