Internazzjonali

Ġenituri jaħbu lill-uliedhom mill-evakwazzjonijiet mandatorji hekk kif ir-Russi qed javvanzaw

Fost it-tensjoni li dejjem qed tikber bejn l-Ukrajna u r-Russja, ġenituri qed jaħbu lill-uliedhom biex jevitaw evakwazzjonijiet mandatorji, hekk kif il-Forzi Armati Russi qed javvanzaw b’mod mgħaġġel lejn il-belt strateġika ta’ Pokrovsk, li tinsab fl-Lvant tal-Ukrajna.

Dan wara li l-awtoritajiet Ukreni ordnaw biex ir-residenti f’din il-belt u l-komunitajiet madwar Pokrovsk jevakwaw minnufih hekk kif preżentament tinsab taħt attakk.

F’dawn il-kommunitajiet jgħixu ‘l fuq minn 59,500 resident u kuljum qed jiġu evakwati madwar 700 persuna.

Għalkemm l-evakwazzjoni għandha l-għan li tipproteġi l-ħajjiet, xi familji qed jibżgħu li jiġu separati u b’hekk qed jippreferu jibqgħu flimkien anke f’sitwazzjonijiet daqstant perikolużi.

Intant it-tensjoni qed tiżdied hekk kif l-offensiva Russa qed tkompli, bl-awtoritajiet Ukreni jinsistu fuq il-bżonn ta’ evakwazzjonijiet biex jissalvaw kemm jista jkun ħajjiet.