Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: L-Istati Uniti tkompli bil-pressjoni fuq Netanyahu… tinsisti dwar l-urġenza ta’ waqfien mill-ġlied f’Gaza

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, waqt l-aħħar kuntatti mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, insista dwar l-importanza li, mill-aktar fis, jintlaħaq ftehim konkret għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza.

Dan meta qed javviċina l-ewwel anniversarju tal-kunflitt f’Gaza bejn it-terroristi tal-Ħamas u l-militar Iżraeljan li ħalef biex jeqred kull theddida minn dawn l-artijiet għall-poplu tiegħu.

Biden enfasizza wkoll l-importanza li jintlaħaq malajr ftehim li jippermetti għall-ħelsien tal-ostaġġi li nħatfu mill-Ħamas waqt ir-rejds storiċi tat-terroristi fuq l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera… Rejds li seħħew fis-7 ta’ Ottubru li għadda u li taw bidu għall-akbar kriżi fil-Lvant Nofani għal għexieren ta’ snin.

Il-Viċi President Amerikan Kamala Harris ukoll kienet involuta fit-taħditiet ma’ Netanyahu u fejn hi u Biden insistew biex jitneħħew l-ostakli kollha li qed iwaqqfu ftehim mal-Ħamas.

It-Tmexxia f’Washington, fl-istess ħin, qed tisħaq dwar l-impenn tal-Istati Uniti biex tgħin fid-difiża ta’ Iżrael kontra l-pajjiżi u entitajiet ostili għalih. Din it-theddida għall-Iżraeljani qed tkun xprunata mill-Iran, kif ukoll mill-alleati tal-Istat fundamentalista li jinkludu l-Ħamas, il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu u l-milizji tal-Houthi, fil-Libanu.

Sadanittant, l-Uffiċċju tal-PM Iżraeljan irrepeta li Iżrael, f’każ ta’ ftehim, beħsiebu jħalli lit-truppi stazzjonati f’medda ta’ art – magħrufa bħala r-rotta ta’ Philadelphi – mal-fruntiera bejn Gaza u l-Eġittu.

U l-aħħar stqarrija insistiet li l-Gvern se jkompli jirrealizza t-tragwardi tal-kunflitt mal-Ħamas skont kif kienu stabbiliti mill-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljan. L-impenn se jkompli sakemm il-poplu Iżraeljan qatt aktar ma jkun qed jiffaċċja l-possibbiltà ta’ xi terrur ġdid mit-territorji ta’ Gaza.

Min-naħa tiegħu, il-grupp Ħamas għadu qed jinsisti għall-irtirar ‘tal-aħħar suldat Iżraeljan minn Gaza’ – bl-Eġittu wkoll qed jopponi għall-preżenza tat-truppi Iżraeljani mal-fruntiera tiegħu mal-Medda ta’ Gaza.