Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jassisti lil dawk li għandhom persuni reġistrati fuq proprjetà tagħhom b’mod irregolari

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi rigward l-iskandlu serju ta’ ID cards foloz, fejn issa wkoll infetħet Inkjesta Maġisterjali, il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq passi ċari u konkreti biex tiġi restawrata l-fiduċja pubblika fis-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ identità f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf il-verità kollha dwar dan l-iskandlu li qed iħawwad il-pajjiż. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi dawn il-miżuri:

  1. Proċess ta’ Verifika: Il-Partit Nazzjonalista qed jappella għal proċess ta’ verifika, fejn kull ċittadin jista’ jiċċekkja min hu reġistrat fuq il-proprjetà tiegħu, biex b’hekk tiġi eliminata kull possibbiltà ta’ abbuż jew frodi fil-futur.
  2. Pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Inkjesta Interna ta’ Identity Malta: Identity Malta għandha obbligu li tippubblika r-rapport tal-inkjesta interna tagħha dwar dan l-iskandlu, biex il-pubbliku jkun jista’ jara x’azzjonijiet ittieħdu mill-ewwel malli nkixfet din il-frodi.
  3. Riżenja tal-Ministru Byron Camilleri: Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Ministru responsabbli għandu jirriżenja immedjatament, billi jieħu r-responsabbiltà politika għal dan il-falliment serju fil-governanza.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn il-passi huma meħtieġa biex jinbena mill-ġdid is-sens ta’ fiduċja fis-sistemi pubbliċi tagħna u biex nieħdu t-triq tas-sewwa u l-ġustizzja.

Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jassisti lil dawk li għandhom nies reġistrati fuq proprjetajiet tagħhom b’mod irregolari. Il-Kap tal-Partit kompla billi appella lil dawk kollha li rċevew xi ittri jew korrispondenza indirizzati lil nies li mhumiex suppost reġistrati fuq residenza tagħhom, biex jagħmlu kuntatt mal-Partit Nazzjonalista. Dan jista’ jsir billi tintbagħat e-mail b’kopja tal-korrispondenza fuq pnsupport@pn.org.mt jew billi jagħmlu kuntatt ma’ xi Deputat tal-Partit Nazzjonalista, ħalli l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jassisti biex din l-informazzjoni tasal għand il-Maġistrat li qed imexxi l-Inkjesta.

Dwar il-qtil traġiku ta’ Nicolette Ghirxi, il-Partit Nazzjonalista reġa’ afferma l-impenn tiegħu li jġib bidliet konkreti biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-protezzjoni tal-vittmi. Bernard Grech enfasizza li pajjiżna jrid jitgħallem minn dawn it-traġedji u jieħu l-passi meħtieġa biex jassigura li qtil bħal dan ma jirrepetix ruħu.

Il-Partit Nazzjonalista talab biex jiltaqgħu l-Kumitati Parlamentari tal-Familja u l-Affarijiet Soċjali biex jiġu diskussi u implimentati miżuri li mhux biss isaħħu l-liġijiet, iżda wkoll l-operat tal-awtoritajiet kompetenti, fejn l-ewwel laqgħa saret ilbieraħ.

Barra minn hekk, Bernard Grech kompla li hu u l-Partit Nazzjonalista ngħaqdu mat-talba tal-familja ta’ Nicolette Ghirxi għal Inkjesta Indipendenti, li għandha tiskopri x’nuqqasijiet saru u kif nistgħu nitgħallmu minnhom.

Bernard Grech ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jagħtu prijorità assoluta lill-interessi tal-poplu u biex jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex jerġa’ jinkiseb is-sens ta’ ġustizzja u protezzjoni f’pajjiżna.