Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Awwissu, il-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu inawguraw żewġ ikoni kbar fil-Knisja tal-Lunzajata u San Duminku tal-Birgu. L-ikoni jirrapreżentaw lill-Madonna tal-Gandlora u l-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. L-ikona tal-Madonna tal-Gandlora ser tkun għall-qima tal-poplu fuq l-artal ta’ San Duminku, filwaqt li l-ikona tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ ser tkun fuq l-artal ta’ San Vinċenz Ferrer.
Ix-xogħol fuq l-ikoni sar minn P. Tonio Mallia Milanes OP, membru tal-komunità tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu. L-inawgurazzjoni saret fil-bidu tal-Festa ta’ Missierna San Duminku, li ser tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd, 25 ta’ Awwissu. Għall-inawgurazzjoni sar kunċert mużikali taħt id-direzzjoni tal-Maestro Di Capella tal-istess knisja, Stephen Camilleri, taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof Emeritu ta’ Malta.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Pirjol P. Aaron Zahra OP flimkien ma’ P. Tonio Mallia Milanes OP bierku l-ikoni billi midlukom 4 slaleb fir-rokna tal-ikona biż-żejt tal-griżma. L-ikona tal-Madonna tal-Gandlora għandha rabta storika mal-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu, peress li l-ikona oriġinali kienet inġiebet min Rodi mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Sfortunatament, din l-ikona intilfet fl-attakki mill-ajru fuq il-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1941.
//= $special ?>