Sport

It-tim nazzjonali Malti tal-hockey fl-Irlanda


It-tim nazzjonali Malti tal-hockey jinsab fil-belt kapitali Irlandiża, Dublin, sabiex jieħu sehem fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni f’Diviżjoni B tal-EuroHockey .

Il-kompetizzjoni bdiet, bl-aħħar partiti jintlagħbu fil-25 ta’ Awwissu.

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Chris Attard għażel skwadra ta’ 18-il plejer li jinkludu l-aħjar plejers lokali mill-Kampjonat Nazzjonali tal-hockey.

Id-Diviżjoni B hi meqjusa bħala waħda ferm diffiċli fejn fiha hemm ukoll l-Irlanda li għadha kemm ħadet sehem fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi. Timijiet oħra b’saħħithom jinkludu wkoll it-Turkija, il-Polonja u l-Italja li flimkien mar-Repubblika Ċeka, Wales u Lussemburgu jagħmlu parti minn din il-kategorija.

Malta tibda l-impenji tagħha b’logħba ferm diffiċli kontra l-Irlanda. Eventwalment fil-ġranet li ġejjin it-tim Malti jrid jilgħab partiti ta’ klassifikazzjoni sabiex ikun magħruf il-pożizzjoni tat-timijiet li jagħmlu parti minn Diviżjoni B.