Internazzjonali

Iżrael u l-Heżbollah iżidu l-ostilitajiet mal-fruntiera tal-Libanu

Il-milizji tal-Ħeżbollah fil-Libanu fl-aħħar sigħat sparaw l-għexieren tal-missili lejn l-artijiet tal-Golan okkupati mill-Iżraeljani. Dan wara li l-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani laqtu diversi miri fil-Libanu proprju u fost l-inkwiet li l-kunflitt tal-Ħeżbollah mal-Iżraeljani, ‘il quddiem, għandu jilħaq livell inkontrollabbli.

Il-kelliema għall-Iżraeljani qalu li l-ajruplani tagħhom ikkonċentraw l-attakki fuq l-inħawi, fil-Wied ta’ Bekaa, fejn il-Ħeżbollah għandhom numru ta’ faċilitajiet, inklużi depots mimlijin bl-armamenti. L-attakk issarraf f’numru mhux determinat ta’ mejtin u midruba.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema għall-Ħeżbollah qalu li l-milizji sparaw baraxx ta’ missili fuq il-pożizzjonijiet tal-militar Iżraeljan fil-Golan – u f’liema attakk intlaqtu numru ta’ djar.

Fi żiluppi oħra, il-moviment Palestnjan Fatah akkuża lil Iżrael dwar l-assassinar ta’ membru ewlieni tal-fergħa armata tiegħu waqt li hu kien fl-artijiet tal-Libanu.

Il-militar Iżraeljan, fil-fatt, qal li kien elimina lil Khalil al-Makdah għaliex hu kien qed iservi bħala aġent tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran u meta, fost oħrajn, kien involut ukoll fit-tmexxija tal-attakki fuq l-Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent.

Khalil al-Makdah inqatel waqt attakk speċifiku fuq il-belt tal-port ta’ Sidon, fl-artijiet Lebaniżi tan-nofsinar – u bil-Fatah jinsisti li l-‘assassinar kien parti mill-intenzjoni tal-Iżraeljani biex iqabbdu gwerra mifruxa madwar il-Lvant Nofsani’.