Grupp ta’ għaddasa li bdew ifittxu l-fdalijiet ta’ superyacht li għereq ‘il barra mill-kosta ta’ Sqallija nhar it-Tnejn, sabu l-katavri ta’ ħamsa mis-sitt passiġġieri neqsin.
L-awtortitajiet Taljani ma identifikawx formalment il-katavri, anke jekk fil-jiem li għaddew kien hemm tfittxija intensiva għal erba’ Britanniċi u żewġ Amerikani.
Dawn jinkludu Mike Lynch, l-imprenditur mir-Renju Unit li martu hija proprjetarja tal-jott Bayesian; bintu Hannah Lynch; il-Kap Eżekuttiv tal-Morgan Stanley Bank International Jonathan Bloomer; u martu Judy Bloomer.
L-ewwel żewġ katavri li nstabu nġiebu l-art fil-port ta’ Porticello l-Erbgħa wara nofsinhar. Sigħat wara żewġ iġsma oħra nġibdu mill-ilma qabel mat-tfittxija waqfet.
Il-Bayesian għereq aktar kmieni nhar it-Tnejn, bejn wieħed u ieħor ma’ xi 700m ‘il barra mill-kosta.
Huwa maħsub li ntlaqat minn tornado fuq l-ilma – magħruf ukoll bħala waterspout – li wassal biex il-bastiment jinqaleb u jegħreq sa qiegħ il-baħar.
L-awtoritajiet Taljani s’issa naqsu milli jidentifikaw dawk irkuprati, minkejja rapporti mill-midja lokali u internazzjonali dwar x’isimhom.
Dan għaliex qed jistennew li jġibu lura s-sitt katavri qabel ma jikkuntattjaw lill-familji tal-vittmi u skont il-liġi Taljana, il-mejjet irid jiġi identifikat formalment minn membru tal-familja, jew persuna qrib il-vittmi, qabel mal-imwiet ikunu jistgħu jiġu uffiċjalment iċċertifikat.
Aktar kmieni, il-Kap tal-Potezzjoni Ċivili ta’ Sqallija Salvatore Cocina qal li se ssir investigazzjoni, iżda l-prijorità kienet li jinstab kull min kien abbord il-bastiment.
//= $special ?>