Internazzjonali

Joe Biden jinsisti ma’ Netanyahu li l-ftehim għal waqfien mill-ġlied huwa urġenti

Wara t-tmiem ta’ żjara diplomatika fil-Lvant Nofsani mis-Segretarju tal-Istat Amerikan, il-President Joe Biden flimkien mal-Viċi President Kamala Harris, sejħu lill-Prim Minisru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu biex jilħaq ftehim mal-Hamas u ftehim għall-ħelsien tal-ostaġġi.

Biden ikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Istati Uniti sabiex jipproteġu Iżrael minn attakki min-naħa tal-Iran u l-gruppi terroristiċi assoċati magħhom; il-Hezbollah, il-Hamas u l-Houthi.

Intant, l-uffiċċju ta’ Netanyahu saħaq li qed jippjanaw biex iżommu suldati ħdejn il-fruntiera bejn Gaza u l-Eġittu, fil-post magħruf bħala l-Philadelphi Corridor, bil-għan li Gaza “ma tibqax perikoluża għas-sigurtà tal-pajjiż.”

Ftit jiem oħra se jkun hemm negozjati bejn Iżrael, l-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar.

S’issa rapporti ma jindikawx jekk il-mexxejja tal-Hamas humiex se jattendu.