Lokali

L-Awditur Ġenerali jixhed li l-Gvern ħa wisq riskju fil-proġett tal-Vitals

Chris Cardona jbiddel il-verżjoni – jgħid li l-Erbgħa sar rappurtaġġ ħażin fuqu

L-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru Chris Cardona għal darb’oħra għoġbu jattakka r-rappurtaġġ tal-ġurnalisti li tul il-jum tal-Erbgħa kienu fl-awla tal-Qorti jirrapportaw ix-xhieda tiegħu waqt il-kawża fil-konfront – fost l-oħrajn – tal-eks Prim Minsitru Joseph Muscat.

Il-Ħamis filgħodu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, din id-darba fil-kawża kontra l-issa backbencher Laburista Chris Fearne u l-eks Ministru Edward Scicluna, Cardona saħaq li r-rappurtaġġ tal-ġurnata ta’ qabel kien imur kontra dak li xehed u allega li l-kitba kienet tmur kontra dak li qal. Madanakollu l-Maġistrat waqfu minnufih, u stqarr li jekk kellu xi problema jista’ jieħu azzjoni legali.

Dan wara li fost oħrajn it-Times of Malta u l-MaltaToday irrapportaw li Cardona xehed li huwa ffirma l-Memorandum of Understanding tal-Vitals għax hekk kien qallu biex jagħmel Mario Galea, eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise. Dan filwaqt li ġie rrapportat ukoll li l-istess Cardona ma qarax l-MOU qabel iffirmah.

Fix-xhieda tal-Ħamis filgħodu Chris Cardona tenna li hu ma kellux diskussjonijiet diretti mal-investituri tal-Vitals għaliex, skont hu, dan kien obbligu tal-Malta Enterprise – u aktar minn hekk, ma kienx jaf min huma.

Filwaqt li Cardona qal li qara l-MoU – iżda insista li l-business plan ma kienx qrah.

Huwa stqarr li l-MoU kien iffoka fuq Għawdex biss, u ma kienx jinkludi lil Malta allura…spjega li dan il-ftehim kien waqa’.

Chris Cardona tenna li ma kienx jaf min huma l-investituri tal-Vitals u li kien konxju biss ta’ x’kienu qed jirrappreżentaw. Madanakollu insista li l-prassi tal-Gvern dejjem kienet li meta jkun hemm opportunità għal investiment barrani tivverifikahom.

Mistoqsi mill-avukati preżenti, Cardona insista li dan l-MoU ma kienx wieħed ta’ rbit u li ma ra ebda irregolarità fih.

Huwa ssokta billi qal li l-Gvern …MoU bħal dan kien jużah speċifikament biex jiġbed l-interess f’Malta. Dan filwaqt li l-eks Ministru tal-Ekonomija saħaq li hu ma kienx involut fil-konċessjoni tal-Isptarijiet.

Sussegwentament xehed Peter Mamo, eks Kummissarju tal-Artijiet, fejn preżenta ittra ta’ April 2015 iffirmata mill-Ministri ta’ dak iż-żmien Michael Falzon u Chris Cardona sabiex Karin Grech u San Luqa jiġu trasferiti għand il-Malta Enterprise.

Huwa preżenta ittra ta’ trasferiment tal-art tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u ittra oħra mibgħuta u ffirmata minn Falzon u Cardona biex l-isptarijiet imsemmija jgħaddu mhux għand il-Malta Eneterprise imma għand il-Malta Industrial Parks..illum INDIS.

Fost in-numru ta’ ittri li preżenta, wera wkoll ittra oħra ffirmata mill-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri…u l-eks Ministru Chris Cardona fejn fiha hemm pjanta alternattiva ta’ dawn l-isptarijiet.

Intant xehed ukoll Mario Galea eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise fejn spjega li Barts ġew ħafna qabel Vitals u li min kien interessat fl-Isptar t’Għawdex kellu jsegwi obbligi dwar akkademja medika fil-gżira Għawdxija.

Mistoqsi dwar il-business plan ta’ Vitals Global Healthcare, Galea saħaq li din kienet saret fl-ewwel sular f’Kasilja u li kien hemm ħafna persuni preżenti fosthom Konrad Mizzi eks Ministru għas-Saħħa u dak iż-żmien Segretarju Parlamentari Chris Fearne, b’Galea jisħaq li dakinhar Fearne kien qal li dak il-proġett ma kienx jaqbel mal-prijoritajiet tal-Gvern.

Finalment xehed ukoll l-Awditur Ġenerali Charles Deguara, illi saħaq li l-Gvern ħa wisq riskju f’dan il-proġett …u li s-saħħa kellha tingħata aktar prijorità f’dan il-proġett. Huwa saħaq li meta saru l-emendi fil-ftehim, il-Gvern tilef ħafna mill-kontroll li kellu … filwaqt li saħaq li xi flus li suppost kellhom jintużaw għall-isptarijiet minn Vitals, spiċċaw intużaw fuq affarijiet oħra.

L-Awditur Ġenerali insista li l-akbar nuqqas jibqa’ d-dokumentazzjoni, hekk kif lanqas jafu min avviċina l-min għal dan il-proġett jekk hux il-Gvern jew il-barranin. U lmenta wkoll li f’dan il-proġett kien hemm wisq għaġla.

Il-każ se jkompli f’Ottubru.