Għawdex Lokali

“L-Awtorità tal-Ippjanar qed taċċetta żviluppi meqjusa illegali mill-Qorti” – NGO Għawdix

“L-islogan ta’ pajjiżna huwa ‘Nieħdu s-Saħħa lill-Maltin’ – qed tgħaddu biż-żmien lill-ġustizzja”

Huwa d-dmir tal-Ministru, tal-Ministeru u tal-Gvern li jirrappreżenta li jipproteġi l-interess tal-pubbliku u jiżguraw li l-liġi tkun ugwali għal kulħadd iżda, minkejja l-għajta tas-Saħħa lill-Maltin ftit tax-xhur ilu – is-sitwazzjoni tidher ferm differenti.

Huwa ċar li l-Maltin u l-Għawdxin m’għandhomx leħen f’dak li jimpatta direttament l-ambjent ta’ madwarhom u s-slogan aħjar kien ikun, ‘Nieħdu s-Saħħa lill-Maltin’

Saħqu dan l-NGO Għawdxin f’ittra indirizzata lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri hekk kif flimkien ma’ 14-il  għaqda oħra fosthom;  KSU, Din L-Art Ħelwa, BirdLife Malta, Flimkien Għal Ambjent Aħjar u Moviment Graffitti insistew li jinsabu mhux biss inkwetati iżda rrabbjati ferm bl-iżvilupp riċenti fil-qasam tal-ippjanar f’pajjiżna.

Dan hekk kif li minkejja ċertu żviluppi kienu saħansitra mwaqqfa mill-Qorti tal-Appell, qed tiġi introdotta prattika li tmur kontra r-rule of law u r-rieda tal-pubbliku.

Għawdix sostniet li applikant li kellu l-applikazzjoni revokata b’mod assolut, reġa’ issottometa applikazzjoni ġdida, għall-istess talba, mal-Awtorità tal-Ippjanar… u din ġiet aċċettata – minkejja li l-Qorti ddikjaratha illegali.

Filwaqt li l-NGO spjegat li din mhi xejn ħlief daħka f’wiċċ il-ġustizzja, hija totalment inaċċettabli li s-sistema titħalla b’dan il-mod – din mhux biss hija falliment tal-ġustizzja imma assurdità assoluta hekk kif saħansitra l-iżviluppatur jista’ jibqa’ għaddej bil-kostruzzjoni minkejja li l-applikazzjoni tkun għaddejja fi proċess ta’ appell – mingħajr restrizzjoni ta’ xejn.

Għawdix u l-għaqdiet oħrajn fakkru kemm lill-Ministru Camilleri kif ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, li l-Gvern kien wiegħed riforma f’din is-sistema – minkejja li lura f’Mejju tal-2023, proprju f’Jum il-Ħaddiem, Abela nnifsu saħaq li x-xogħol ta’ kostruzzjoni ma kellux ikompli la darba qed ikun ikkontestat quddiem tribunal jew fil-Qorti.

Madanakollu jidher li d-diskors ta’ Abela jiswa suf… hekk kif aktar minn sena wara, hekk għadu qed isir.

Minkejja d-diversi proposti u konsulenzi, Għawdix saħqet li għadu ma sar xejn u issa żżejjed kollu żejjed.

L-NGOs saħqu li dan kollu qed inaqqas il-fiduċja tal-poplu, filwaqt li jżid l-imġiba tax-xejn mhu xejn fost l-iżviluppaturi – b’messaġġ ċar li d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Awtorità tal-Ippjanar jinjoraw għalkollox dak li tesiġi l-Qorti.

Għaldaqstant huma appellaw azzjoni immedjata u urġenti sabiex dan it-tħassib jiġi indirizzat – sabiex is-sentenzi tal-Qorti jkunu rispettati u li l-integrità u l-kontabbiltà jkunu pilastri ta’ Awtorità li suppost tħares l-interess tal-pajjiż u taċ-ċittadini tiegħu.