Internazzjonali Kurżitajiet

Minn Spice Girl għal imperu tal-moda: L-Istorja ta’ Victoria Beckham fuq Netflix

Victoria Beckham, magħrufa minn ħafna bħala membru tal-grupp mużikali Spice Girls li kien fenomenu tas-snin 90, se tkun il-protagonista ta’ serje ġdida fuq Netflix li se tesponi l-karriera tagħha minn żmien l-iSpice Girls sa meta saret disinjatriċi tal-moda.

Din is-serje se tagħti ħarsa dettaljata lejn il-vjaġġ straordinarju tagħha, li beda fl-industrija tal-mużika u li issa evolva fl-industrija tal-moda u s-sbuħija.

Din il-produzzjoni ta’ Netflix se tinkludi intervisti esklussivi, filmati rari, u mumenti personali li juru kif Victoria Beckham bdiet il-karriera tagħha bħala membru tal-grupp Spice Girls sakemm hi iddedikat ruħha għal-passjoni oħra tagħha- il-moda.

Din is-serje ser tiddokumenta l-isfidi li ħarġu minn din it-trasformazzjoni u kif hija rnexxielha ssir waħda mill-aktar disinjatriċi rispettati u influwenti fl-industrija, kif ukoll tesplora l-ħajja personali tagħha bħala omm. Dan apparti r-relazzjoni tagħha mal-eks futboler Ingliż David Beckham.

Is-serje mistennija tkun suċċess kbir għal dawk kollha li jridu jiskopru l-vjaġġ ta’ Beckham, li tibqa waħda mill-aktar personalitajiet famużi taż-żminijiet tal-lum.