Lokali

“Qed titfgħu n-negozji tagħna f’ħafna problemi” – ristoranti f’Marsaxlokk għal darb’oħra bla dawl

Sfida li qed taffettwana tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa

L-Erbgħa filgħaxija residenti Xlukkajri esprimew ir-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom fuq il-midja soċjali hekk kif għal darb’oħra reġgħu spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.

Uħud saħqu li ma jistax ikun li wara ġurnata xogħol tirritorna d-dar u ma ssibx elettriku bil-konsegwenza li jkollok toħroġ tippassiġġa max-xatt għaliex fid-dar ikollok sħana insapportabbli.

Iżda agħar minn hekk hemm min din l-isfida li qed theddidlu l-ħobża ta’ kuljum bħal sid ta’ restorant li saħqet li issa tinsab diżgustata hekk kif saħqet li ma felħitx aktar.

Hija saħqet li tagħmel minn kollox biex in-negozju tagħha jimxi ‘l quddiem mingħajr ma tagħmel ħsara lil ħadd, b’pożittività u tħares lejn ġurnata xogħol b’ħeġġa u qlubija.

Madanakollu sostniet li din l-isfida tad-dawl qed ixxekkel il-ħidma tagħha u insistiet li din il-problema qiegħda dejjem tikber.

Din is-sid spjegat li tal-inqas bejn darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa fir-restoranti qed imur id-dawl u minkejja li ċċempel lill-Enemalta, xorta waħda mhux qed tkun sodisfatta.

Ġie spjegat li l-problema f’din il-lokalità ġejja minn sub-station li qed ikollha overload.

Hija spjegat li n-negozju tagħhom qed imur ħażin minħabba n-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ min suppost qed imexxi u minkejja li dejjem ħallsu sal-inqas ċenteżmu, is-servizz mhux qed jirrifletti dak mistenni.

Bosta kienu dawk li wieġbu lil din is-sid ta’ restorant, fejn iddeskrivew is-sitwazzjoni bħala diżastru, b’oħrajn jisħqu li ilhom tal-inqas tmien xhur b’din il-problema kostanti – bil-konsegwenza li kellhom ħsarat kbar fl-appliances.

Oħrajn saħqu li l-membri tal-Gvern qed jiġu jaqgħu u jqumu mis-sitwazzjoni u minkejja l-għajta ta’ power station ġdida u l-investiment bla preċedent, xorta waħda għadhom qed jgħixu f’sitwazzjoni redikola – fid-dlam, sħana u bi sfida li xi kultant ikunu kostretti jarmu l-ikel mill-friġġ u l-friża.