Lokali

64 sena mit-traġedja tal-qtil ta’ Twannie Aquilina

Ritratti mill-Ktieb : Ġiġa: Hamsin sena wara 1960-2010. The crime of the century ta' Raymond Zammit.

64 sena ilu seħħet traġedja li xxukkjat pajjiż sħiħ għal diversi snin – it-traġedja ta’ 8 snin li ġenerazzjonijiet sħaħ jafuh bħala tfajjel ċkejken b’ħarsa grazzjuża bil-libsa tal-praċett – il-qtil makabru ta’ Twannie Aquilina.

Twannie kien il-vittma ta’ qtil makabru li għalih kienu instabu ħatja ommu Luigia Camilleri, magħrufa bħala Ġiġa, u s-sieħeb tagħha Leli Camilleri.

64 sena ilu, Aquilina kien instab bla ħajja mixħut f’għadira demm, msawwat u b’għonqu mħanxar b’sikkina tal-ħobż fid-dar fejn kien jgħidx fi Triq San Duminku fil-Belt Valletta.

Dan kien qtil li ħasad pajjiż, qtil li għalih membri tal-familja tiegħu minkejja daż-żmien kollu inevitabbilment għadhom iġorru piż u li sal-lum il-ġurnata għadhom jiftakru fih.

Delitt li żgur tul is-snin qajjem diversi kontroversji minkejja li fl-1961, sena wara l-qtil ommu Ġiġa li dak iż-żmien kellha 32 sena u s-sieħeb tagħha Leli, ta’ 29 sena, kienu instabu ħatja mill-Qorti – għad hemm min sal-lum il-ġurnata jisħaq li dan baqa’ każ mhux solvut.

Dan għaliex l-omm baqgħet tisħaq l-innoċenza tagħha. Hija kienet ġiet ikkundannata għal mewt madanakollu aktar tard kienet inbidlet għal għomorha l-ħabs, filwaqt li Leli kien weħel 20 sena ħabs.

Aktar tard, minkejja tali sentenza, l-omm kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li kienet skontat 10 snin biss.

Il-każ seħħ fit-23 ta’ Awwissu tal-1960, hekk kif il-ġisem bla ħajja tat-tifel kien instab kmieni filgħaxija għall-ħabta tat-7.45pm – 3 xhur biss wara ommu u missieru tar-rispett kienu ġew imressqa l-Qorti akkużati bil-qtil.

Rapporti fuq il-gazzetti lokali ta’ dak iż-żmien indikaw li l-kumpilazzjoni tal-evidenza kienet saret bil-bibien magħluqa bid-dettalji makabri tal-każ bdew ħerġin 6 xhur wara d-delitt.

L-omm dejjem ċaħdet l-akkużi tant li kienet xehdet li fil-ħin li huwa maħsub li nqatel Twannie Aquilina, ċioè bejn il-5.30pm u s-6.30pm – hija kienet qed tilgħab tombla ma’ ulieda f’lok magħruf bħala “Il-Fossa”.

Hija kienet spjegat li kienet hi li sabet lil binha bla ħajja wara li waħda minn ħutu marret issejjaħlu iżda ma weġibx lura.

Fl-investigazzjonijiet kienu ħadmu wkoll uffiċjali minn Scotland Yard – bl-awtopsja tindika li t-tifel kien ġarrab ġrieħi serji u fondi f’rasu kkawżati x’aktarx minn firroll ta’ bieb, madanakollu l-esperti mediċi kienu kkonkludew li kien miet meta kellu għonqu mħanxar.

Lura fl-2012, f’intervista fuq il-programm televiżiv Xarabank, waħda minn ħut Twannie kienet saħqet li dakinhar hi kienet rat żagżugħ qrib il-ġisem bla ħajja ta’ ħuha – u kienet saħqet li tittama li l-investigaturi sa fl-aħħar jirnexxielhom jiżvelaw il-verità kollha.