Għal uħud, il-jum ma bediex bl-aħjar mod hekk kif wara li kellhom pjanat li jaqbdu l-Fast Ferry sabiex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer, dan il-vapur qatt ma tfaċċa, b’riżultat li ħafna spiċċaw waslu tard għax-xogħol jew tilfu l-appuntamenti li kellhom.
Persuni li tkellmu ma’ Net News spjegaw magħna li l-vapur kellu jitlaq mill-port fis-6:45 am iżda wara li damu jistennew mal-20 minuta fuqu, l-ekwipaġġ avżahom li ma kienx se jitlaq. Bir-raġuni li ngħataw tkun minħabba ħsara teknika.
Ftit tal-minuti wara kellu jasal vapur ieħor iżda mal-mument li wasal ġew mgħarrfa li dan kellu jmur biex jingħata l-fuel, bil-ħin ta’ stennija ma kinitx magħrufa.
Biex b’hekk il-vjaġġ ta’ siegħa wara ma sarx lanqas, bil-passiġġiera jsiru jafu wkoll li l-vapur tad-8:45 am ma kienx garantit lanqas.
Iktar minn siegħa wara li suppost telaq l-ewwel vapur imsemmi hawnhekk, il-passiġġiera ngħataw il-possibiltà li jieħdu kowċ mill-Belt għaċ-Ċirkewwa iżda ħadd ma kien jaf x’ħin se tiġi din il-kowċ, apparti l-vjaġġ twil bejn iż-żewġ portijiet sakemm finalment jaslu biex jirkbu l-vapur t’Għawdex.
Din is-sitwazzjoni nħolqot meta ninsabu fl-eqqel tas-sajf, bit-temp hu ideali biex il-vapuri jbaħħru bejn il-gżejjer Maltin hekk kif la hu maltemp u wisq inqas rih.
//= $special ?>