F’ittra li ntbagħtet lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali saret talba sabiex l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara jinvestiga lill-Aġenzija Identità, Jobsplus, u l-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol b’rabta mal-iskandlu ta’ Identità.
L-ittra tgħid li numru kbir ta’ persuni qegħdin jilmentaw u jagħmlu allegazzjonijiet serji ta’ frodi u ġestjoni ħażina tal-aġenzija Identità, u dan peress illi qegħdin jirċievu posta bl-indirizz indikat juri l-indirizz tar-residenza jew proprjetajiet tagħhom, iżda huma jafu biċ-ċert illi dan hu dokument li jixhed il-falz peress illi l-persuna indirizzata b’isimha f’dik il-posta qatt ma kienet residenti f’dak l-indirizz.
Dan kollu apparti allegazzjonijiet ta’ numri sekwenzjali tal-karta tal-identità maħruġa mill-aġenzija Identità mhumiex uniċi – bir-riżultat illi jeżistu każijiet ta’ aktar minn karta tal-identità ta’ persuni differenti bl-istess numru.
L-ittra ntbagħtet mill-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Darren Carabott, Membru tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Graham Bencini, u l-Membru tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Claudette Buttigieg f’isem il-Partit Nazzjonalista.
It-tliet membri sottofirmati tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, flimkien mal-Kelliema rispettiva, qegħdin jitolbu lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga jekk l-aġenzija Identità, u l-uffiċjali tagħha, użatx id-diliġenza mistennija u osservatx il-prinċipju ta’ governanza tajba meta tipproċessa talba għall-ħruġ ta’ karta tal-identità u/jew residenza lill-persuni li mhumiex ċittadini Maltin.
Huma qed jitolbu wkoll li jinvestiga jekk il-korp Jobsplus, u l-uffiċjali tagħha, użax id-diliġenza mistennija u osservax il-prinċipju ta’ governanza tajba meta tipproċessa talba għar-reġistrazzjoni ta’ impjieg f’Malta ta’ persuni li mhumiex ċittadini Maltin.
Talba oħra hi fejn jidħol il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol u/jew il-Kabinett, u/jew kwalunkwe entita governattiva responsabbli oħra, fis-sorveljanza tiegħu/tagħhom, jekk dejjem saret sorveljanza, użax id-diliġenza mistennija u osservax il-prinċipju ta’ governanza tajba meta l-entitajiet governattivi kienu qegħdin jipproċessaw talba għall-ħruġ ta’ karta tal-identità u/jew residenza lill-persuni li mhumiex ċittadini Maltin u kif ukoll tipproċessa talba għar-reġistrazzjoni ta’ impjieg f’Malta ta’ persuni li mhumiex ċittadini Maltin.
L-integrità tas-sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni, b’riperkussjonijiet serji fuq l-amministrazzjoni pubblika, is-sigurtà nazzjonali u l-proċessi legali.
Ta’ min wieħed ifakkar li Identità hi aġenzija tal-Gvern, li ġiet stabbilita fis-sena 2013, responsabbli mill-immanniġjar tal-identità taċ-ċittadini u kif ukoll mill-proċess tal-implimentazzjoni tal-immigrazzjon filwaqt li Jobsplus hi korp li għandha personalità legali distinta, u li fost il-funzjonijiet tagħha hi responsabbli mir-records ta’ persuni impjegati jew persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg f’Malta u kif ukoll li għandha x’taqsam mat-tfassil ta’ policy ġenerali nazzjonali dwar xogħol u taħriġ, fost l-oħrajn.
//= $special ?>