Internazzjonali

Il-President Franċiż jiltaqa’ mal-mexxejja politiċi biex jinħatar Prim Ministru ġdid

Il-President Franċiż Emmanuel Macron beda taħdidiet kruċjali ma’ diversi mexxejja politiċi minn partiti differenti sabiex jiġi appuntat Prim Ministru ġdid.

Wara l-elezzjonijiet ta’ Lulju, il-politika Franċiża spiċċat fi staġnar, bl-ebda partit ma jkollu maġġoranza ċara biex imexxi. New Popular Front, koalizzjoni tax-xellug, qed tisħaq biex Lucie Castets tkun maħtura bħala l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Franza.

Madankollu, din l-għażla hija meqjusa bħala improbbabli peress li mhijiex eletta u hija relattivament mhux magħrufa. Macron qed jipprova jsib soluzzjoni biex jevita iżjed instabbiltà fil-gvern Franċiż, fid-dawl tal-elezzjonijiet ta’ Lulju u anke tal-Olimpjadi ta’ Pariġi.

L-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza bħalissa m’għandha l-ebda maġġoranza ċara, u dan ifisser li Macron irid isib kandidat li jista jgħaqqad u jiġbor l-appoġġ meħtieġ biex jifforma gvern stabbli. Hemm diversi ismijiet li qed jiġu diskussi fl-isfera politika u dawn jinkludu l-eks Ministru tal-Intern, Bernard Cazeneuve, u Xavier Bertrand, mexxej reġjonali mill-partit Reppubblikan.

Però, Macron għadu ma ta l-ebda indikazzjoni ċara dwar min se jkun qed jappoġġja, iżda l-President mistenni jieħu deċiżjoni mill-aktar fis possibli, hekk kif Franza tkompli taffaċċja din il-kriżi politika.

Intant, dan kollu qed iseħħ kważi seba’ ġimgħat wara l-elezzjoni, u f’mument meta Macron qed ifittex li jgħaqqad il-pajjiż wara xi tħarbit politiku matul l-Olimpjadi ta’ Pariġi.

Għaldaqstant, il-President Macron mistenni jaħtar mexxej li jkun kapaċi jibni gvern ġdid u li ma jfallix mal-ewwel vot ta’ sfiduċja.