Tħabbret il-mewt ta’ Hugh Caruana, eks plejer u kowċ tal-futbol fl-ogħla livell tal-logħba f’Malta, iżda mhux biss. Għal diversi snin, Caruana kien wieħed mill-personalitajiet tant maħbuba fil-programm dwar il-futbol, Replay fuq Net Television fejn kull ġimgħa kien ikun mistieden residenti.
Fl-aħħar legislatura tal-Kunsill Lokali, bejn l-2019 u din is-sena, Caruana kien ukoll kunsillier elett f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-lokalitá tal-Gżira.
Caruana miet fl-etá ta’ 78 sena, wara li f’dawn l-aħħar jiem hu kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Caruana jibqa’ imfakkar għas-suċċessi u l-unuri li rrnexxilu jirbaħ kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ.
Hu kien beda’ jilgħab il-futbol ma’ Gżira United u kien iddebutta ta’ 16-il sena mal-iskwadra tal-kbar. Mal-maroons, Caruana beda’ juri t-talenti tiegħu, u beda’ jattira l-interess ta’ diversi klabbs lokali, li kienu qed jiġġieldu għall-ogħla unuri f’Malta.
L-ewwel trasferiment ta’ Caruana kien ma’ Floriana, fejn fis-snin 60, f’waħda mill-aqwa era tal-greens, u għamel sitt staġuni jilgħab magħhom fejn kiseb bosta suċċessi. Hu lagħab fl-istess tim ta’ plejers oħra kbar, u li llum inħarsu lejhom bħala legend tal-futbol Malti, bħal fil-każ ta’ Willie Vassallo u Louis Arpa.
B’kollox u lagħab 106 partiti ma’ Floriana, u rebaħ disa’ unuri maġġuri fil-futbol domestiku. Dawn kienu jinkludu r-rebħ ta’ żewġ Kampjonati u darbtejn l-FA Trophy.
Fil-bidu tas-snin 70, Caruana kien ħalla lil Floriana biex ingħaqad ma’ Sliema Wanderers u għalkemm din l-esperjenza kienet iqsar minn dik li kellu ma’ Floriana, Caruana kompla jżid mal-unuri mirbuħa minhu tul il-karriera tiegħu bħala plejer.
Ma’ Sliema Wanderes lagħab għal tliet staġuni, u fl-1974 Caruana kien irtira minn plejer. Iżda fiż-żmien li lagħab mal-Wanderers, Caruana rebaħ żewġ Kampjonati oħra biex bħala plejer, Caruana b’kollox rebaħ total ta’ erba’ Kampjonati.
Għal bosta, jibqa’ misteru sal-llum kif Caruana, li kien wieħed mill-aqwa plejers fl-era tiegħu, qatt ma kien lagħab mat-tim nazzjonali Malti, xi ħaġa li baqgħet rimors għal Hugh kull darba li kont titkellem miegħu.
Wara li rtira kien beda’ il-karriera bħala kowċ, fejn mexxa diversi timijiet, inkluż dawk fid-diviżjonijiet inferjuri. Madankollu l-aqwa ta’ Caruana bħala kowċ u amministratur tal-futbol, jibqa’ fiż-żmien meta Sliema Wanderers kellhom lil Robet Arrigo President, b’tim imżejjen bl-aqwa plejers li setgħa jkollu klabb Malti f’dak iż-żmien.
Hu kien fit-tmexxija teknika ta’ Sliema Wanderers, flimkien mal-mibki Edward Aquilina, u flimkien mexxew lil Wanderers għal tant aktar suċċessi.
Wara li temm il-karriera tiegħu minn kowċ, Caruana kien ingħaqad mat-tim ta’ Replay fuq Net Television, fiż-żmien meta l-programm tal-Ħadd filgħaxija kien beda’ jiġi ppreżentant minn Christian Micallef.
Kien f’dan iż-żmien li Caruana għamel diversi staġuni, Ħadd wara l-ieħor, bħala l-mistieden residenti ta’ Replay flimkien ma’ uċuħ oħra familjari fil-futbol Malti u li kienu jkunu preżenti fil-programm ta’ diskussjoni dwar il-futbol Malti.
Dawn jinkludu lil Ġorġ Micallef, Konrad Sultana, Bjorn Vassallo, Matthew Paris, Joe Caruana Curran u tant oħrajn, li matul dawn l-aħħar 25 sena ta’ Replay fuq Net Television, f’xi darba jew oħra kienu qattgħu żmien bħala mistiedna residenti tal-programm.
Net News jieħu din l-opportunitá biex jagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha ta’ Hugh Caruana u jirringrazzjaħ għas-sehem tiegħu, f’kull qasam li kien fih.
//= $special ?>