Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru ta’ bint l-eks sieħba tiegħu taħt l-età

Ritratt mill-Arkivji

Raġel ta’ 39 sena mis-Swieqi nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ stupru u korruzzjoni sesswali li allegatament saru fuq it-tifla taħt l-età tal-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Victor Axiak il-Ġimgħa filgħodu mill-Ispettur Wayne Buhagiar, li flimkien mal-prosekuturi Cynthia Tomasuolo u Jennifer Polidano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, akkuża lir-raġel bi stupru ripetut tat-tifla.,

Huwa ġie akkużat ukoll li pparteċipa f’attività sesswali ma’ minorenni, u żammha kontra r-rieda tagħha , li ssottomettiha għal atti sesswali ta’ natura mhux kunsenswali, li kkorrompa minorenni, ffastidjaha u ġiegħelha tibża’ li jkun vjolenti lejha.

L-Ispettur Buhagiar qal lill-Qorti li t-tfajla, illum ta’ 15-il sena, kienet irrapportat lill-imputat, li huwa l-eks sieħeb ta’ ommha, lill-Vice Squad, fejn allegat li kien ilu jimmolestaha sa mill-2016, bl-abbuż wasa saħansitra fi stupru.

Il-ġinekoloġi, maħtura biex jassistu l-inkjesta maġisterjali li sussegwentement ġew appuntati, kienu kkonfermaw li l-parti privati tat-tifla ma kienx intatt, żied jgħid l-ispettur. It-tifla kienet tat rendikont dettaljat tal-allegat abbuż lill-maġistrat inkwirenti, li quddiemu xehdu wkoll iż-żewġ ġenituri tagħha.

L-imputat kien ġie arrestat xi żmien ilu iżda wara ngħata l-police bail. Mistoqsi kif wieġeb, l-akkużat wieġeb “Ma għamilt xejn. Jien mhux ħati. Jien?” L-avukati difensuri Michaela u Mattea Giglio għamlu talba għal libertà proviżorja, li għaliha d-difiża oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba n-natura tal-akkużi u l-fatt li l-allegata vittma u l-familja tagħha kienu għadhom ma tawx xhieda f’dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti.

L-Avukat Michaela Giglio rrimarkat li huma kienu diġà xehdu fl-inkjesta, li kienet bdiet f’Jannar, u saħqet li l-klijent tagħha kien ilu minn dakinhar fuq police bail u ma kisirx il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. “Kieku tassew kellem lill-vittma jew lill-familja tagħha, l-ispettur kien jarrestah,” sostniet l-avukat.

L-Avukat Jacob Magri, li deher bħala parte civile, qal lill-Qorti li l-klijenta tiegħu llum infurmatu li r-raġel kien ripetutament jipprova jikkomunika mal-omm, permezz ta’ “messaġġi fuq WhatsApp bla waqfien”. Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, ċaħdet it-talba għall-pleġġ, u qalet “jidher li huwa riskju reali ta’ tbagħbis tal-evidenza,” u ordnat li r-raġel jinżamm arrestat.

Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-ġenituri. Il-Qorti wissietu biex ma javviċinax jew jikkuntattja kemm lill-ġenituri kif ukoll lil binhom. Isem l-akkużat u l-vittma mhux qed jissemmew fid-dawl ta’ projbizzjoni tal-pubblikazzjoni imposta mill-qorti.