Internazzjonali

L-għarqa tas-super-jott barra Sqallija: Traġedja li serqet futur mill-aqwa għal Hannah Lynch

Is-sejba tal-katavru ta’ Hannah Lynch għalqet il-kapitlu traġiku tal-‘Bayesian’, is-super-jott li għereq jiem ilu wara li nqabad minn tromba tal-ilma waqt li kien ankrat ftit ‘il barra minn Palermo.

F’din it-traġedja mietu seba — b’wieħed minn dawn ikun l-imprenditur Britanniku Mike Lynch, li kien ma’ bintu Hannah fuq il-jott u li ttella mejjet mill-baħar fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

Il-‘Bayesian’ kien għereq fi kwistjoni ta’ minuti u wara li kien tkaxkar ‘il barra mill-port ta’ Porticello

U l-fatt li missier u bintu (fir-ritratt) kellhom jitilfu ħajjithom flimkien waqt vjaġġ fatali qanqal mewġa ta’ emozzjonijiet kbar fost in-nies li kienu jafuhom u anki mingħand il-persuni madwar id-dinja li riedu jesprimu simpatija għall-konsegwenzi traġiċi tal-inċident.

Il-ħbieb ta’ Hannah, fl-aħħar sigħat, ħallew diversi eloġi fuq is-siti tal-media soċjali u fejn fost oħrajn faħħruha bħala ‘tfajla b’qalbha tad-deheb’. Dan waqt li l-għalliema tagħha wkoll ħallew il-messaġġi fejn fissru lil Hannah bħala ‘persuna ta’ potenzjal straordinarju u ta’ intellettwalità kbira’.

Hannah Lynch, fl-aħħar ġimgħat,  kienet ikkonkludiet l-eżamijiet tal-A-Levels u fejn tant iddistingwiet ruħha li ngħatat l-opportunità biex tistudja l-Ingliż fl-Università ta’ Oxford.

Il-familja tagħha, sadanittant, ħarġet stqarrija fejn talbet biex in-nies jirrispettaw il-privatezza tagħha f’dan iż-żmien ta’ niket kbir għaliha . L-istqarrija kompliet tesprimi d-dispjaċir kbir tal-familja ‘għall-ħbieb kollha li mietu f’din it-traġedja rari’.

Fl-aħħar sigħat, il-bugħaddasa Taljani mat-taqsima search and rescue li damet il-jiem sħaħ fis-sit tat-traġedja konkludew li s-super-jott jinsab prattikament intatt f’qigħ il-baħar …Dan kuntrarju għal rapporti preċedenti li sostnew li l-jott kien inqasam taħt il-forza straordinarja tat-tromba, magħrufa bħala waterspout.

Hu minnu wkoll li ħadd għadu ma jaf meta għandu jibda l-impenn biex il-’Bayesian’ jittella mill-baħar.

Dan meta l-awtoritajiet Sqallin għall-emerġenzi, fosthom il-gwardjani tal-kosta, fissru l-intervent wara l-għarqa tal-‘Bayesian’ bħala wieħed ferm ikkumplikat – tant li l-bugħaddasa kienu permessi għal shifts ta’ 12-il minuta biss taħt l-ilma.

Il-vittmi l-oħrajn tal-‘Bayesian’ huma ċ-Chairman tal-Morgan Stanley International Bank, Jonathan Bloomer; martu Judy Bloomer;  Chris Morvillo, avukat ma’ Clifford Chance; martu Neda Morvillo u x-chef  ta’ fuq il-jott Recaldo Thomas – li l-katavru tiegħu kien l-ewwel wieħed li ttella mill-baħar.