Lokali

“Ryan Spagnol għandu jirriżenja jew jitneħħa minn Segretarju tal-Kabinett” – PN

Huwa skandaluż kif is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol baqa’ jżomm il-kariga tiegħu minkejja li nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li saq vettura meta kien fis-sakra. L-imġiba ta’ Ryan Spagnol hija waħda illegali, irresponsabbli u perikoluża.

Huwa inaċċettabbli li persuna li tkun wettqet reati serji tibqa’ żżomm kariga li tirriżulta mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li fl-2019 il-Gvern bidel il-liġijiet ta’ pajjiżna biex il-Prim Ministru ingħata l-poter li jkun jista’  jaħtar  persuna  differenti mis-Segretarju Permanenti Ewlieni biex taġixxi bħala Segretarju għall-Kabinett.

Huwa skandaluż ukoll kif il-Prim Ministru Robert Abela ħalla lil Ryan Spagnol fil-kariga meta kien jaf li huwa jinsab akkużat quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna u baqa’ jżommu anke meta nstab ħati. Robert Abela mhux biss baqa’ jkollu fiduċja f’Ryan Spagnol iżda saħansitra żamm id-deċiżjoni tal-Qorti moħbija mill-poplu Malti u Għawdxi f’nofs kampanja elettorali.

Pajjiżna għandu bżonn uffiċjali pubbliċi serji, maturi u responsabbli u mhux persuni li jsuqu fis-sakra f’nofs ta’ lejl.

Ryan Spagnol għandu minnufih jirriżenja minn Segretarju tal-Kabinett u jekk ma jagħmilx hekk għandu jkun il-Prim Ministru li jneħħiħ mill-kariga mingħajr aktar dewmien.

Dan intqal fi stqarrija minn Karol Aquilina ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja.