Lokali Qorti

Sentenza sospiża u tkeċċija minn Malta wara li saq vann bla liċenzja u kien ta’ periklu

Aswad Majed ta’ 26 sena, li għandu passaport Grieg u residenti Birkirkara, li kien tressaq il-Qorti talli nhar it-Tnejn li għadda fit-8.30am, inqabad isuq bla liċenzja, mingħajr polza tal-assigurazzjoni, b’mod perikoluż u traskurat, mingħajr kont fejn kien taż periklu għan-nies.

Hu ammetta għal dawn l-akkużi li wettaq fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Birkirkara meta kien qed isuq vann. Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża qalbu fuq sentenza sospiża għall-akkużat. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li semgħet il-provi saħqet li Majed irrifjuta li jikkopera mal-Pulizija, ma kellux permess biex jgħix f’Malta u b’hekk kien qed jitqies bħala immigranti irregolari.

Il-Qorti qalet li ġiet mgħarrfa li se jinbdew proċeduri sabiex l-akkużat jitneħħa minn Malta “minnufih”. Majed ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena filwaqt li ġie pprojbit milli jkollu liċenzja għal sena. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mexxiet il-Prosekuzzjoni.