Turist mir-Renju Unit ġie mmultat €1,000 l-Ġimgħa talli hedded uffiċjal tal-pulizija f’Paceville wara li kkawża problemi f’diversi ‘strip clubs’ waqt li kien fis-sakra. L-Ispettur Darryl Farr akkuża lil Sean James Mc Carthy ta’ 21 sena li hedded uffiċjal tal-pulizija li kien qed jaġixxi fil-qadi ta’ dmirijietu, li uża lingwaġġ oxxen fil-pubbliku waqt li kien fi stat ta’ sokor, li ma obdiex ordnijiet leġigttimi tal-Pulizija, li kiser l-ordni pubbliku u li naqas milli jagħti lill-pulizija b’mod korrett d-dettalji tiegħu.
Hu mifhum li waqt l-arrest tiegħu, Mc Carthy kien qal lill-Pulizija, li kien se jġib lil zijuh joqtol lil wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija. Meta mistoqsi x’kien qed iwieġeb waqt li tressaq quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, Mc Carthy wieġeb ħati. Huwa kkonferma wkoll lill-Qorti li kien konxju tal-implikazzjonijiet tal-tiegħu meta kien qed jammetti.
Fid-dawl tal-ammissjoni tal-ħtija tiegħu, il-Qorti kkundannat lir-raġel għall-ħlas ta’ multa ta’ €1,000, bħala piena. L-Avukat Thomas Barbara Sant assista lill-imputat.