Ekonomija Lokali

Wara li kellha f’idejha Mater Dei, ipoġġuha fit-tmexxija ta’ JobsPlus

Ikomplu l-musical chairs fil-Gvern ta’ Robert Abela, hekk kif illum tħabbar li l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ħatar lil Celia Falzon bħala Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus. Dan wara li Abela ħa lil Leonid McKay minn JobsPlus sabiex poġġih CEO tal-Partit Laburista minflok Randolph Debattista.

Celia Falzon fl-aħħar snin kienet Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei. U issa se tieħu f’idejha dik li possibbilment hija l-aktar aġenzija tal-Gvern li għandha pressjoni kbira fuqha – aġenzija li fil-passat kienet immexxija mill-Ministru Clyde Caruana, u li xprunat mudell ekonomiku li kien ibbażat fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.

Dan it-taqlib fit-tmexxija ta’ JobsPlus isegwi l-manuvri li saru mit-team ta’ Robert Abela biex jippruvaw isaħħu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja. U għal dan il-għan, ġabu lill-Kurunell Mark Mallia li ħa post Glenn Micallef. Dan tal-aħħar, ġie nominat mill-Gvern għall-kariga importanti ta’ Kummissarju Ewropew.

Mallia minn naħa tiegħu kellu diversi kpiepel fl-aħħar snin – minn Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Identità, għal CEO tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi, għat-tmexxija ta’ Transport Malta, u issa Chief of Staff f’Kastilja sabiex jerġa’ jipprova jibda jibni l-immaġini ta’ Robert Abela.

Fi Transport Malta, minflok Mallia, tpoġġa’ Kurt Farrugia. U fil-Malta Enterprise minflok Farrugia tpoġġa’ George Gregory.