Lokali

Żewġ ħatriet ġodda fis-settur tas-saħħa

Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li Carmen Ogilvie Galea ġiet maħtura Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u Ian Ellul ġie maħtur Kap Eżekuttiv ta’ CPSU.

Ogilvie Galea hi gradwata fl-Ekonomija mill-Università ta’ Malta u serviet f’diversi karigi minn meta ngħaqdet mas-Servizz Pubbliku fis-sena 2000. Hi bdiet il-karriera tagħha fis-Servizz Pubbliku bħala Prinċipal u aktar tard bħala Prinċipal Anzjan fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sal-2004. Hija ġiet maħtura fil-pożizzjoni ta’ Assistent Direttur (Affarijiet tal-UE) fil-Ministeru għall-Investiment, Industrija u IT sal-2009 meta mbagħad ġiet maħtura bħala Kap (OP I) fid-Dipartiment tal-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet.

Ogilvie Galea nħatret bħala Direttur (Servizzi Korporattivi) fil-Ministeru għal Għawdex fl-2011, kariga li żammet sal-2016 meta nħatret bħala Direttur Ġenerali (Operat) fl-istess Ministeru. Riċentament hija kienet qed tokkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Minn naħa l-oħra, Ian Ellul ħadem fl-Awtorità tal-Mediċini fl-affarijiet regolatorji farmaċewtiċi għal għaxar snin, u waqqaf b’suċċess il-Clinical Trials Unit li rnexxielu jattira bosta provi f’Malta, u ttraspona wkoll diversi testi leġislattivi. Ilu jaħdem fis-CPSU għal diversi snin, bil-ħidma prinċipalment relatata mal-evalwazzjoni ta’ diversi ċikli ta’ akkwist ta’ prodotti farmaċewtiċi.

Fl-2020 huwa nħatar mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija biex jirrappreżentah fil-kumitat ta’ evalwazzjoni teknika relatat mal-fond nazzjonali COVID-19 R&D Fund ta’ €5.3 miljun, kif approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Ellul huwa gradwat u għandu wkoll PhD mid-Dipartiment tal-Pedjatrija, Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija fl-Università ta’ Malta.