Lokali

Alex Sciberras jitfa’ n-nomina għal President tal-Labour

L-eks Sindku Laburista tal-Imsida, Alex Sciberras, se jikkontesta għall-kariga ta’ President tal-Labour wara li fil-ġimgħat li għaddew Ramona Attard ħabbret illi mhux se terġa’ toħroġ għal din il-kariga.

Permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, Sciberras saħaq li l-Labour għandu bżonnu aktar minn qatt qabel u sostna li hu se jibqa’ leali lejn il-prinċipji tal-Partit.

Il-Partit Laburista se jkun qed jorganizza l-elezzjonijiet interni tiegħu tliet ġimgħat oħra fit-13 u l-14 ta’ Settembru matul il-Konferenza Ġenerali.

Dan il-proċess se jinkludi wkoll il-votazzjoni għal żewġ deputati mexxejja ġodda wara r-riżenja ta’ Daniel Micallef u Chris Fearne; dan tal-aħħar fid-dawl tal-akkużi kriminali li qed iħabbat wiċċu magħhom b’rabta mas-serqa tal-Vitals.

Għal dawn iż-żewġ karigi xeħtu isimhom il-Ministru Laburista Ian Borg kif ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba – it-tnejn meqjusin bħala żewġ heavyweights, mill-klikka ta’ Joseph Muscat.

Fl-aħħar jiem ukoll wara r-riżenja ta’ Randolph De Battista minn Kap Eżekuttiv tal-Labour inħatar Leonid McKay bħala s-suċċessur tiegħu – l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus.

Madanakollu, sal-lum għadna ma nafux min se jkun qed jinħatar Deputat Parlamentari minflok l-istess De Battista hekk kif sabiex jeħles minnu għal kollox Robert Abela offrielu li jibgħatu Ambaxxatur f’Ġinevra.

U waqt li għaddejin manuvri kontinwi mill-klikka ta’ Muscat fil-qalba tal-Labour, it-team ta’ Robert Abela qed jipprova isaħħaħ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Għal dan il-għan, ġabu lill-Kurunell Mark Mallia li ħa post Glenn Micallef. Dan tal-aħħar, ġie nominat mill-Gvern għall-kariga importanti ta’ Kummissarju Ewropew.

Mallia minn naħa tiegħu kellu diversi kpiepel fl-aħħar snin – minn Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Identità, għal CEO tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi, għat-tmexxija ta’ Transport Malta, u issa Chief of Staff f’Kastilja sabiex jerġa’ jipprova jibda jibni l-immaġini ta’ Robert Abela.

Fi Transport Malta, minflok Mallia, tpoġġa’ Kurt Farrugia. U fil-Malta Enterprise minflok Farrugia tpoġġa’ George Gregory. Intant…sal-Ħadd filgħodu….il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista qed tilqa’ wkoll nomina għal President, Viċi-President, Segretarju Internazzjonali, Segretarju Organizzattiv u tnax-il Membru Ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali.