Lokali

IL-KAOS FIT-TOROQ TA’ ĦAL QORMI: “Qas biex tmur tixtri ma ħallewna”

In-nuqqas ta’ pjanar fit-toroq tagħna waqt li jkunu għaddejin proġetti maġġuri qed jibqa’ jħalli l-effetti tiegħu fuq diversi residenti. U Ħal Qormi mhux eċċezzjoni.

Fl-aħħar jiem żvelajna kif ix-xogħol mar-roundabout ta’ Ħal Qormi qed iħalli effett dirett fuq familji u anzjani li tħallew mingħajr aċċess. Dan apparti t-trab u l-istorbju kontinwu.

Iżda issa, hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn ir-residenti lanqas qed jitħallew jidħlu d-dar.

Raġel partikolari kiteb kif matul il-lejl li għadda – fis-2am – kien ġej min-naħa ta’ Ħal Luqa biex jidħol lura d-dar. Iżda It-triq kienet magħluqa. Dan filwaqt li Triq it-Tiġrija kienet magħluqa wkoll.

Meta qalilhom biex jgħaddi għad-dar, l-uffiċjali preżenti qalulu biss li ma setax. U meta insista li hu joqgħod hemm, wieħed mill-uffiċjali wieġbu b’ mod insulenti.

“Din is-sitwazzjoni li qegħdin fiha! Lanqas biex tmur tixtri ma ħallewlna minn fejn ngħaddu – trid tgħaddi min-nofs ta’ triq”, stqarr dan ir-raġel.

Fl-aħħar jiem, is-Super One irrapporta li dan il-proġett mar-round about ta’ Ħal Qormi se jkun qed itejjeb l-aċċessibbiltà. Iżda n-nies, speċjalment ir-residenti Qriema, jaħsbu totalment l-oppost.

Fil-fatt, fuq il-media soċjali kien hemm baraxx ta’ kritika għall-proġett li ħabbar il-Gvern, kif ukoll għax-xogħlijiet li qed isiru bħalissa b’rabta mas-sistemi tad-drenaġġ u d-distribuzzjoni tal-enerġija.

Iżda agħar minn hekk, il-kritika hija indirizzata għal dak li se jiġri wara li jitlesta dan it-tħaffir; fejn Infrastructure Malta se tkun qed tonfoq flus kbar biex prattikament iżżomm l-istess karreġjati.

Il-Gvern minn naħa tiegħu qed isejħilha “organizzazjoni aħjar” għal-Luqa-Qormi Junction. Iżda fir-realtà, mhu se jinbidel kważi xejn.