Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, qed jagħti l-appoġġ tiegħu b’mod pubbliku lill-kandidatura ta’ Norma Saliba għall-kariġa ta’ President tal-Partit Laburista.
Dan hekk kif Grech kien fost dawk li għamel like fuq it-tħabbira li Saliba għamlet fuq il-profil tagħha ta’ Facebook fejn saħqet li l-Prim Ministru Robert Abela talabha biex tikkontesta sabiex tkun is-suċċessur ta’ Ramona Attard – u spjegat ukoll li ħeġġewha tagħmel dan saħansitra l-Ministru Ian Borg u l-MEP Alex Agius Saliba.

Johann Grech, li għandu paga ta’ madwar €150,000 fis-sena, kien jagħmel parti mit-tim tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja – u huwa sigriet magħruf li Grech għadu jgħin lill-Partit Laburista partikolarment f’kampanji elettorali.
Fl-aħħar xhur u snin kien bniedem li spiċċa f’diversi kontroversji u tberbiq ta’ flus minn but il-poplu – bl-aħħar episodju jkun il-€500,000 li nefaq għal 10 minuti film li fih huwa stess irreċta bil-perkaċċi kollha denji ta’ filmstar ta’ Hollywood.
Tajjeb li ngħidu wkoll li dan il-kunflitt ċertament mhux qed jieqaf ma’ Grech biss, hekk kif wieħed inevitabbilment jistaqsi kif l-eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS spiċċat ħarġet għal tali kariga.
Norma Saliba bħalissa qed tokkupa l-kariga ta’ CEO maċ-Ċentru Nazzjonali tal-Lingwa b’pakkett finanzjarju ta’ €72,000 fis-sena – rwol pubbliku li b’mod mill-aktar loġiku diversi persuni qed jistaqsu jekk hux se tibqa’ tokkupah la darba b’mod mill-aktar uffiċjali qed tikkontesta għal kariga partiġjana, fit-tmexxija tal-Partit tal-Labour.
//= $special ?>