F’partita li kellha xejn inqas minn tmien gowls, Chelsea ħarġu rebbieħa bl-iskor konvinċenti ta’ 6-2, bit-tim ta’ Enzo Maresca jidher li qed jieħu l-forma malajr, minkejja n-numru kbir ta’ akkwisti ġodda li waslu dan is-sajf. Logħba stupenda għad-doppjetta Cole Palmer u None Madueke li komplew fejn ħallew l-istaġun li għadda hekk kif kienu involuti f’kważi kull gowl.
Il-Blues ma damux ma fetħu l-iskor hekk kif wara żewġ minuti logħob Nicolas Jackson sab ix-xibka għall-ewwel darba f’dan l-istaġun b’daqqa ta’ ras fil-baxx li għelbet għal kollox Sa.
Kollox kien jidher bilanċjat fl-ewwel taqsima, fejn saħansitra Wolves għamlu l-iskor indaqs fis-27 minuta permezz tal-Brażiljan Matheus Cunha mill-assist tal-Marokkin Ait-Nouri li żblokka d-difiża ta’ Chelsea minn kontrattakk veloċi.
Chelsea rnexxielhom jiskorjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima meta l-PFA Young Player of the Year Cole Palmer kompla jimpressjona u jikkonferma li tassew kien ħaqqu dan l-unur meta b’xutt bix-xellug minn barra l-kaxxa sab ix-xibka, din id-darba mis-suġġeriment tal-iskorer ewlieni Nicholas Jackson.
Madankollu, Wolves baqgħu reżiljenti u wara 6 minuti ta’ ħin addizjonali fl-ewwel taqsima, huma għamlu l-iskor indaqs għal darb oħra, din id-darba Jorgen Strand Larsen isib ix-xibka.
Minkejja l-wirja sodisfaċenti ta’ Wolves sal-ewwel taqsima, il-gowls għal Chelsea bdew ġejjien fit-tieni taqsima u ma wafqux jiġu sal-aħħar ħinijiet tal-partita.
Fid-49 minuta jasal l-ewwel gowl għal Chelsea permezz ta’ Noni Madueke, l-ewwel gowl personali tiegħu f’din il-logħba mis-suġġeriment ta’ Cole Palmer.
Id-doppjetta Madueke – Palmer teġgħa fl-azzjoni 9 minuti wara, meta din id-darba Madueke jixħet ġewwa mill-viċin, u għal dabr oħra l-assist provdut minn Palmer.
Il-koppja Ingliża kisbu l-hattricks personali tagħhom fit-63 minuta, għal Palmer hattrick ta’ assists, filwaqt li għal Madueke hattrick ta’ gowls. Konklużjoni minn tarf il-kaxxa ta’ Madueke tispiċċa taħt il-goalkeeper Jose Sa.
Finalment fit-80 minuta, żewġ akkwisti ġodda għal Chelsea kienu involuti fis-sitt gowl, b’ Joao Felix isib ix-xibka b’konklużjoni għolja fir-rokna tax-xellug mis-suġġeriment ta’ Pedro Neto.
Liverpool għamluha żewġ rebħiet minn tnejn dan l-istaġun meta din id-darba għelbu lil Brentford 2-0 f’ Anfield.
Liverpool sabu x-xibka wara 13-il minuta permezz tal-Kolombjan Luis Diaz b’xutt baxx fix-xellug mill-assist ta’ Jota.
It-tieni gowl wasal fis-70 minuta mill-attakkant prolifiku Mohamed Salah, din id-darba l-iskorer tal-ewwel gowl Diaz jagħti l-aħħar suġġeriment.
Fil-Vitality Stadium, Bournemouth u Newcastle United temmew fi draw ta’ 1-1, bil-Magpies ikunu salvati mill-Intenrazzjonali Ingliż Gordon fl-aħħar kwarta logħob.
It-tieni draw għal Bournemouth f’żewġ logħbiet, hekk kif fl-ewwel partita huma ġew draw ma’ Nottingham Forest bl-istess skor.
Fis-37 minuta ċ-Cherries ħadu l-vantaġġ permezz ta’ Marcus Tavernier mis-suġġeriment ta’ Semenyo, b’ Anthony Gordon jirrispondi fis-76 minuta, b’ Barnes ikun fiċ-ċentru tal-azzjoni u jagħti l-aħħar pass.
Il-Ġimgħa
Brighton v Man. Utd 2-1
Tottenham v Everton 4-1
Southampton v Notts. F 0-1
Man. City v Ipswich T. 4-1
Fulham v Leicester City 2-1
C.Palace v West Ham U. 0-2
A. Villa v Arsenal 0-2
Illum
Wolves v Chelsea 2-6
Bournemouth v Newcastle U. 1-1
Liverpool v Brentford 2-0