Internazzjonali

Franza: Tisħiħ tas-sigurtà għall-komunitajiet tal-Lhud wara l-attakk fuq is-sinagoga

L-awtoritajiet fi Franza jemmnu li l-isplużjoni ta’ nhar is-Sibt barra sinagoga kienet ‘attentat ta’ terrur’ dirett kontra l-komunità Lhudija. Attakk maħsub biex iħalli l-massimu tal-vittmi possibbli – bil-President Franċiż Emmanuel Macron ukoll jirreferi għal ‘element terroristiku’ fl-azzjoni.

Sar magħruf li l-isplużjoni seħħet wara li żewġ karozzi ngħataw in-nar meta kienu pparkjati barra s-sinagoga ta’ Beth Yaacov, fil-belt ta’ La Grande-Motte.

Mifhum li kien hemm tal-anqas ċilindru kbir tal-gass f’waħda mill-vetturi u fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tas-sigurtà Franċiżi arrestaw raġel suspettat li kkaġuna l-isplużjoni barra s-sinagoga. Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, qal, wara, li l-pulizija wriet livell għoli ta’ professjonaliżmu fil-mod kif huma kkonfrontaw lir-raġel li qabduh fil-belt ta’ Nimes. Ir-rapporti qalu wkoll li s-suspettat spiċċa midrub fi sparatura wara li hu kien fetaħ in-nar fuq l-uffiċjali tal-pulizija.

Il-mexxejja tal-komunitajiet tal-Lhud fi Franza, sadanittant, huma konvinti li l-intenzjoni wara l-azzjoni kienet biex jinqatlu numru ta’ devoti Lhud li kienu qed jattendu t-talb tas-Sibt filgħodu fis-sinagoga.

Fl-isplużjoni, indarab uffiċjal tal-pulizija li, madankollu, mhux f’periklu li jitlef ħajtu.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Franċiż Gabriel Attal u l-Ministru Darmanin marru fuq il-post tal-isplużjoni fejn esprimew kundanna assoluta dwar l-aggressjoni ‘antisemitika’.

Il-Ministru Darmanin, issa, għamilha ċara wkoll li l-awtoritajiet qegħdin jirrinfurzaw is-sigurtà madwar is-siti tal-Lhud fi Franza. Hu anki ‘aċċerta lill-komunità Lhudija li l-membri tagħha qed jingħataw l-appoġġ kollu possibbli mill-Istat’.

Il-komunità tal-Franċiżi-Lhud ilha żmien taħt sigurtà stretta – b’numru kbir ta’ sinagogi u skejjel (tal-Lhud) qegħdin jingħataw livell sinifikanti ta’ protezzjoni mill-pulizija.