Lokali

Il-komunità Ukrena f’Malta tiċċelebra t-33 anniversarju tal-Indipendenza tal-Ukrajna

“Jum l-Indipendenza tal-Ukrajna din is-sena jġib miegħu mħallta, dwejjaq u kburija.”

Dan kien is-sentiment li esprimiet Olena Khylko, id-Direttur tal-Politika għal GLOBSEC Ukraine u l-Programm tal-Ewropa tal-Lvant, waqt l-attività li saret is-Sibt f’Malta biex tfakkar it-33 anniversarju mil-Indipendenza tal-Ukrajna.

L-avveniment, li sar bħala parti mill-kampanja globali “Stand With Ukraine – Help Defend Our Independence,” organizzata mill-Kungress Dinji tal-Ukreni, ġabar numru ta’ nies fi Pjazza Tritoni, fil-Belt Valletta.

Il-programm tal-attività kien jinkludi wirjiet kulturali bħal kant, żfin, u mużika live, kollha mwettqa mir-rappreżentanti tal-komunità Ukrena f’Malta.

Fost il-mistednin distinti kien hemm rappreżentanti tal-ambaxxati differenti f’Malta, li wrew l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna f’dan il-jum tant importanti. Id-diskorsi mwassla matul l-avveniment enfasizzaw is-sinifikat ta’ Jum l-Indipendenza għall-poplu Ukren, li għalihom din il-ġurnata tirrappreżenta l-għaqda u l-kuraġġ fid-difiża tal-paċi, is-sovranità u d-dritt għal awtodeterminazzjoni.

Preżenti kien hemm ukoll il-kofundaturi tal-organizzazzjoni ta’ karità Ukrena-Malti, “Malta4Ukraine,” Kateryna Katrashchuk-Caruana u Anthony Caruana, li rringrazzjaw liċ-ċittadini, skejjel, u negozji Maltin kollha li, minn mindu bdiet l-invażjoni fuq skala sħiħa, kienu qed jagħtu donazzjonijiet biex jgħinu fl-assistenza umanitarja minn Malta għal dawk fil-bżonn immedjat fl-Ukrajna.