Lokali

“Ir-racket ta’ Identità huwa lok għal inkjesta pubblika” – L-editorjal tas-Sunday Times of Malta

“L-iskandlu tal-ID Cards, jekk jiġi ppruvat – huwa każ li jaffettwa s-sigurtà nazzjonali, b’entità tal-Gvern fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu, u għaldaqstant huwa lok għall-inkjesta pubblika.”

Dan ħareġ fl-editorjal tas-Sunday Times of Malta, fejn ġie spjegat li l-allegazzjonijiet serji li qed isiru rigward ir-racket tal-ID Cards huma allegazzjonijiet allarmanti u inkwetanti – li għandu jerfa’ responsabbiltà tagħhom il-Ministru responsabbli flimkien mal-entità tal-Gvern.

Dan minħabba l-fatt li jekk jiġi ppruvat – huwa mhux biss daqqa ta’ ħarta għall-governanza t-tajba u amministrazzjoni pubblika soda, imma saħanistra anke għas-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżna.

Fl-editorjal ġie spjegat kif il-karta tal-identità Maltija tista’ tiġi użata bħala dokument għas-safar fil-pajjiżi Ewropej li jiffurmaw parti miz-zona Shengen.

Bl-editorjal iqajjem dubju dwar il-fatt li ftit ġranet wara li l-allegazzjonijiet ta’ dan ir-racket saru pubbliċi, il-Gvern appella sabiex dawk li se jkunu qed isiefru lejn l-Italja jieħdu kemm il-karta tal-identità u anke l-passaport minħabba li kien hemm influss ta’ serq ta’ identità rrappurtati.

Issa, fid-dawl tal-fatt li nfetħet inkjesta maġisterjali, wara talba li saret milal-avukat Jason Azzopardi, l-editur stqarr li l-inkjesta maġisterjali se tkun qed tieħu ż-żmien tagħha – minħabba l-fatt li hemm madwar 18,000 ID Card involuta, u numru sostanzjali ta’ persuni li sabu individwi rreġistrati fuq il-proprjetajiet tagħhom mingħajr ma biss jgħixu f’din l-istess proprjetà.

Bl-editur ifakkar li f’rikors ġuramentat ta’ 59 paġna, l-avukat Jason Azzopardi saħanistra sostna li mara organizzat parties privati fejn ftaħret li tikseb il-permessi għat-tfajliet – li tipprostitwixxi – grazzi għall-kuntatti korrotti tagħha.

L-att dwar il-karta tal-identità u dokumenti oħra tal-identità fih dispożizzjonijiet li jispjegaw il-modi kif dawn id-dokumenti għandhom jiġu pproċessati u miżmuma – dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija Identità u l-Ministru responsabbli għal din l-aġenzija, Byron Camilleri.

Iżda minkejja l-fatt li – skont każ fil-Qorti – jidher li l-aġenzija Identità u l-Pulizija kienu ġa infurmati b’każ lura f’Ottubru tal-2022 – l-aġenzija Identità qalet biss li hemm sistema ta’ checks and balances u li inkwetat meta tfaċċaw dawn l-allegazzjonijiet.

Fid-dawl ta’ dan, l-editorjal spjega li l-entità u l-politiċi li jmexxuha għandhom jerfgħu responsabbiltà għan-nuqqasijiet tal-ħaddiema.

Intant, l-editorjal spjega li l-fatt li numru kbir ta’ karti tal-identità ġew iffalsifikati jew magħmulin u bbażati fuq informazzjoni falza – żgur huwa lok għal inkjesta pubblika.